“IS-SETTUR TAL-MANIFATTURA TA’ L-GĦAMARA F’MALTA ŻAMM IS-SUQ TIEGĦU, U L-INVESTIMENT KIBER SOSTANZJALMENT F’DAWN L-AĦĦAR ERBA’ SNIN.” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Fuq perijodu ta’ tmien snin, bejn l-1998 u l-2005, is-settur tal-manifattura lokali ta’ l-għamara żamm is-suq tiegħu, b’differenza fit-turnover relattivament żgħira. Dan huwa ferm importanti speċjalment fid-dawl tat-tneħħija tat-tariffi fl-2003, meta żdiedet l-importazzjoni u kien hemm il-biża’ li dan is-settur ser ibati.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem il-bieraħ, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fit-tmiem ta’ żjarat li għamel fiż-żona ndustrijali f’Tarġa Gap fil-Mosta.
Martin Bowerman mill-Malta Enterprise ta preżentazzjoni li fiha ġie mqabbel rapport li kien ippubblikat f’April 2000, li kien jgħid li l-kundizzjonijiet tal-manifattura ġenerali kienu ħżiena u ma kienx hemm żvilupp, mas-sitwazzjoni fl-2005. Ir-rapport, li kien ippubblikat mill-IPSE dwar l-industija tal-manifattura ta’ l-għamara, kien jgħid ukoll li kien hemm profitti u investimenti baxxi, turnover statiku u nċertezza fost dawk li jaħdmu fil-manifattura.
Dan ir-rapport kien iwissi li l-esportazzjoni hi l-unika salvazzjoni. L-esportazzjoni kienet imwissija minħabba li s-suq domestiku ma kienx qed jikber; it-tneħħija ta’ miżuri protettivi naqqsu s-suq; kien hemm inqas opportunitajiet biex jiġu maħluqa ‘economies of scale’; id-distakk bejn kumpaniji Maltin u dawk barranin kien qed jikber; u kumpaniji li jimmanifatturaw l-għamara ser ikollhom jieqfu jimmanifatturaw biex b’hekk ikunu jistgħu jimpurtaw u jqassmu x-xogħol.
Is-Sur Bowerman spjega kif statistika dwar il-manifattura fl-2005 turi li dak li kien imwissi fi-rapport ma seħħx. Il-manifattura ta’ l-għamara baqgħet b’saħħitha, u qiegħda dejjem ittejjeb l-operat tagħha. Minn din l-istatistika nistgħu naraw li mhux biss dan is-settur żamm is-suq tiegħu, iżda aspetti oħra tas-settur ukoll baqgħu b’saħħithom. Il-pagi f’dan is-settur għadhom tajbin, u fil-fatt is-settur għandu wħud mill-aktar pagi għoljin fis-settur tal-manifattura, bil-medja ta’ kull impjegat fis-settur ta’ l-għamara jaqla’ Lm6,168, meta mqabbel ma’ Lm6,276 għas-settur tal-manifattura kollu kemm hu.
F’dan is-settur sar ħafna investiment fl-4 snin li għaddew, minn 1,077 miljun Lira fl-2001 għal 4,134 miljun Lira fl-2005. Il-kontribut tas-settur tal-manifattura ta’ l-għamara lis-settur tal-manifattura hu ta’ 9.2% ta’ l-investiment totali.
Is-settur qiegħed juri tnaqqis fin-numru ta’ impjegati, b’2,026 impjegati fl-1998 meta mqabblin ma’ 1,656 fl-2005. Din hi sitwazzjoni normali meta jkun hemm settur li qiegħed jinvesti f’teknologiji biex ikun aktar kompetittiv. Fil-fatt, jekk wieħed iqabbel l-investiment mat-turnover, fis-settur tal-manifattura ta’ l-għamara dan huwa wieħed mill-ogħla, b’10% fis-settur ta’ l-għamara meta mqabbel mal-5% tas-settur tal-manifattura kollu.
Minn naħa tiegħu, l-Onor. Vassallo ħabbar statistika maħruġa riċentement dwar is-settur lokali tal-manifattura ta’ l-għamara, li tikkumplimenta l-preżentazzjoni li ngħatat. Is-Segretarju Parlamentari wera li minkejja l-biża li dan is-settur kien ser jitkisser minħabba t-tneħħija ta’ tariffi fuq l-importazzjoni ta’ l-għamara, dan ma seħħx. “Fil-fatt, dak li ġara kien li dan is-settur adatta għall-isfidi ġodda li beda jiffaċċja u issa huwa settur tal-manifattura li sejjer tajjeb ħafna. In-negozji ta’ l-għamara għarfu jadattaw għall-kompetizzjoni minn barra u llum, qegħdin joperaw f’ambjent differenti ħafna minn dak tas-sena 2000. Illum, in-negozji tagħna, speċjalment dawk tal-manifattura, qegħdin joperaw f’suq ferm akbar minn dak ta’ sitt snin ilu. Issa huma operaturi f’pajjiż li huwa membru ta’ l-Unjoni Ewropea, bil-vantaġġi kollha tagħha, u l-imprendituri tagħna għarfu jaħtfu l-opportunitajiet li ngħatawlhom.
“Statistika maħruġa mill-NSO f’dawn l-aħħar jiem turi li dan is-settur qiegħed ikompli jissaħħaħ. Jekk wieħed jara x’ġara diġa, bejn Jannar sa Settembru din is-sena, wieħed jista’ jara kontinwazzjoni ta’ dak li kien qiegħed jiġri sa l-2005. Ser inkomplu naraw tkabbir ta’ l-attivita’ tal-manifattura ta’ l-għamara, u dan jixduh il-figuri tal-pagi, bejgħ, impjiegi u investiment.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958