DISKUSSI TEMI TA’ IMPORTANZA GĦAL MALTA WAQT IL-KUNSILL TAL-MINISTRI TA’ L-AGRIKOLTURA U S-SAJD
Fil-Kunsill tal-Ministri responsabbli mill-Agrikoltura u Sajd li ltaqa’ fi Brussell bejn il-bieraħ u llum, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, f’isem Malta, intervjena fost oħrajn fuq żewġ items ta’ importanza għas-settur agrikolu u tas-sajd rispettivament.
L-ewwel issue li tkellem fuqha l-Ministru Pullicino tikkonċerna r-regoli ta’ l-Unjoni Ewropea għar-rigward ta’ ħlasijiet lir-raħħala. Sa llum dawn ir-regolamenti jimponu li l-pagamenti tal-Politika Agrikola Komuni għar-raħħala Maltin u Għawdxin għandhom ikunu marbuta mad-daqs ta’ l-art agrikola fil-pussess tar-raħħal.
Huwa argumenta li peress li fil-maġġoranza kbira tagħhom ir-raħħala m’għandhomx art agrikola dan kien se jwassal biex dawn ir-raħħala jitilfu kull dritt għall-pagamenti mill-Politika Agrikola Komuni ta’ l-UE. Dan seta’ jiġri b’mod partikolari f’dawk il-każijiet ta’ trasferiment ta’ kwoti tal-produzzjoni tal-ħalib bejn raħħal u ieħor.
Wara ħidma mill-Ministeru u mir-Rappreżentanza Permanenti fi Brussell biex jitħarsu l-interessi tar-raħħala Maltin u Għawdxin, il-Kummissjoni fehmet iċ-ċirkostanzi partikolari u speċifiċi li jiffaċċaw l-istess raħħala. B’hekk il-Kummissjoni Ewropea laqgħet it-talba tal-Gvern Malti u ngħatat deroga li permezz tagħha r-raħħala Maltin u Għawdxin li m’għandhomx art agrikola mhux se jitilfu ebda drittijiet tagħhom filwaqt li se jkunu jibqgħu jistgħu jagħmlu trasferiment meta tidħol fis-seħħ l-iskema ta’ pagament wieħed (single payment).
Biex wasal għall-kisba tad-deroga, il-Ministeru kkonsulta mal-Koperattiva Produtturi tal-Ħalib (KPĦ) li kienet esprimiet it-tħassib tagħha għad-diffikultajiet li setgħu jinqalgħu f’każ ta’ trasferimenti ta’ kwota bejn raħħal u ieħor, fenomenu li qed isir dejjem aktar komuni minħabba l-investiment u r-ristrutturar li għaddej bħalissa.
Fir-rigward tas-settur tas-sajd, il-Ministru ressaq il-każ ta’ Malta għar-rigward tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea għal-logbook elettroniku fuq bastimenti tas-sajd Maltin u Għawdxin u l-użu ta’ sistemi ta’ remote sensing. Fl-intervent tiegħu l-Ministru Pullicino talab lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi l-limitazzjonijiet ovvji fil-kapaċita’ amministrattiva ta’ pajjiżna, u dan fid-dawl li bil-proposti huwa mistenni li se jiżdiedu l-ispejjeż amministrattivi marbuta ma’ l-obbligi ta’ Malta biex tikkonforma mar-regoli l-ġodda.
Il-Ministru Pullicino talab lill-Kummissjoni tiddikjara li hi tkun lesta tgħin lil Malta fl-implimentazzjoni tas-sistemi kif proposti mill-istess Kummissjoni. Il-Kummissarju Ewropew għas-Sajd Joe Borg laqa’ t-talba ta’ Malta u għamel l-istqarrija mitluba.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958