Left arrow Go Back

IL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI JWIEĠEB DWAR L-AMALGAMAZZJONI FIS-SETTUR TA’ L-AKKOMODAZZJONI SOĊJALI

PR1558
Date Icon 16/11/2006

B’reazzjoni għall-istqarrija li ħarġu d-deputati Stefan Buontempo u Karl Chircop rigward l-amalgamazzjoni fis-settur ta’ l-akkomodazzjoni soċjali, il-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali jixtieq jagħmel dawn l-osservazzjonijiet li ġejjin:

1.                  Huwa ta’ sodisfazzjon li wieħed jinnota li minkejja l-ħafna kritika li saret fil-passat rigward dan is-suġġett, issa l-Oppożizzjoni qiegħda tfaħħar u taqbel mal-Gvern li dan il-pass huwa “wieħed tajjeb”.

2.                  Fl-istqarrija tagħhom, id-deputati Buontempo u Chircop donnhom qed jistgħaġbu li dan il-proċess inbeda sitt snin ilu. Bħala kelliema ewlenin ta’ l-Oppożizzjoni, żgur li jafu li proġett ta’ amalgamazzjoni bħal dan jirrikjedi ħafna preparazzjoni u l-amalgamazzjoni fiha nnifisha hija biss l-aħħar pass f’dan il-proċess li jitlob ħafna xogħol.

3.                  L-allegazzjoni taż-żewġ deputati li l-ħaddiema tħallew fid-dlam dwar il-futur tagħhom hija falza. Il-ħaddiema taż-żewġ dipartimenti nvolvuti diġà tlaqqgħu mill-uffiċjali għolja tagħhom biex jiġi spjegat lilhom il-proċess ta’ l-amalgamazzjoni u x’effett dan ser ikollu fuq il-ħaddiema. Barra minn hekk, il-Management and Personnel Office fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru diġà beda jinforma l-unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema nvoluti f’hiex jikkonsisti dan il-proċess.  Bħalma jiġri fi tranżizzjoni bħal din, kemm il-ħaddiema, kif ukoll il-unions, diġà ġew assigurati li filwaqt li l-ħaddiema kollha se jiġu deployed temporanjament ma’ l-Awtorità, se jibqgħu jżommu l-kundizzjonijiet u d-drittijiet  kollha eżistenti sakemm tiġi fis-seħħ leġislazzjoni relevanti li, fost ħwejjeg oħra, tkun tirregola l-istatus u d-drittijiet ta’ uffiċjali pubbliċi mqabbdin fuq xogħol (detailed)  ma’ din l-entità pubblika, kif jipprovdu liġijiet eżistenti oħra dwar it-twaqqif ta’ entitajiet ġodda.

4.                  Rigward propjetajiet residenzjali li huma proprjetà tad-Dipartiment ta’ l-Artijiet jew tal-Joint Office, digà qiegħdin isiru diskussjonijiet sabiex tiġi emendata l-leġislazzjoni relevanti sabiex it-titlu ta’ dawn ir-residenzi jgħaddi f’idejn l-entità l-ġdida wkoll.

5.                  Fl-aħħarnett, jidher li d-deputati Buontempo u Chircop mhumiex infurmati tajjeb f’dak li jirrigwarda l-politika tad-Dipartiment rigward djar privati  rekwiżizzjonati. Kif ħabbret diversi drabi l-Ministru Cristina fil-Parlament, minn madwar sena w nofs ilu meta dawn id-djar jiġu battala qed titneħħa l-Ordni ta’ Rekwiżizzjoni u d-djar jiġu rritornati lura immedjatament lis-sidien tagħhom.  Barra minnhekk, għal numru ta’ snin, id-Dipartiment ilu għaddej b’eżerċizzju ta’ tneħħija ta’ l-Ordni ta’ Rekwiżizzjoni f’każi li dan ma jaffetwax b’mod negattiv lill-inkwilini li jkunu qed jgħixu f’dawn il-postijiet. Għaldaqstant, l-allokazzjoni ta’ djar privati minn dipartiment jew entità pubblika hija diġà xi ħaġa tal-passat. Tajjeb li wieħed jgħid li filwaqt li l-Gvern tal-ġurnata kien wera kuraġġ politiku kbir meta fl-1995 kien neħħa l-Liġi li tirregola l-Ordni tar-Rekwiżizzjoni, minkejja diversi talbiet lill-Partit ta’ l-Oppożizzjoni sabiex jiddikjara jekk jerġax iddaħħal din il-liġi jekk ikun hu fil-gvern, għadu ma ta l-ebda dikjarazzjoni simili.

Finalment tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni għal fatt li ħafna mill-informazzjoni pprovduta hawn fuq hija diġà waħda pubblika peress li l-Ministru Cristina diġà wieġbet numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari rigward dan is-suġġett, li l-maġġoranza tagħhom għamilhom l-istess Onorevoli Buontempo.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow