IL-PRESIDENT FL-ISKEJJEL TAN-NADUR
Iż-żjara uffiċjali fin-Nadur mill-President u s-Sinjura Fenech Adami bdiet illum bi żjara fl-iskejjel.
Fid-diskors tiegħu lill-istudenti ta’ l-Iskola Primarja Dun Salv Vella, il-President Fenech Adami qal li fil-laqgħa magħhom seta’ jara l-iżvilupp ta’ l-iskejjel f’pajjiżna. Il-President apprezza l-mod ta’ tmexxija ta’ l-iskola kif ukoll il-ħeġġa li għandhom l-istudenti, espressa fl-innu ta’ l-iskola u tal-kulleġġ. Il-President żied jgħid li l-kulleġġ huwa qabża oħra fil-kwalita` ta’ l-edukazzjoni f’Malta.
Il-President żar ukoll l-iskola San Franġisk fejn iltaqa’ ma’ l-istudenti ċkejknin tal-kindergarten. Iktar tard Dr. Fenech Adami żar ukoll lill-istatwarju s-Sur Charlie Camilleri li jispeċjalizza fix-xogħol bit-tafal.
Fl-istess ħin, is-Sinjura Fenech Adami għamlet żjara fiċ-ċentru ta’ l-Anzjani.
Il-lejla, l-President Eddie Fenech Adami ser jiltaqa’ ma’ l-għaqdiet volontarji kollha tan-Nadur.
Nhar il-Ħadd, il-President ser jattendi għall-quddiesa fil-knisja tal-Parroċċa, iżur lill-artist Frans Camilleri li huwa pittur li jpinġi bil-ħalq, il-FootballNurseries, il-Każin tal-Banda Mnarja u fl-aħħar jinawgura bini ġdid għall-Kunsill Lokali tan-Nadur.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958