IL-MINISTERU TA’ L-EDUKAZZJONI JIRRIBATTI AKKUZI TA’ L-OPPOZIZZJONI DWAR IT-TWETTIQ TAL-KURRIKULU NAZZJONALI
Il-Kelliem Ewlieni tal-Oppozizzjoni għall-Eedukazzjoni, l-Onor. Carmelo Abela, akkuża lill-Gvern bħala “arroganti u tal-mistħija”; u dan għaliex il-Ministru Louis Galea, fi tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari, talab lill-Oppożizzjoni tippubblika d-dokument li fuqu qed tibbaza allegazzjoni li ilha tagħmel għal dawn l-aħħar sentejn, u li qatt ma kienet issostanzjata, dwar it-twettiq tal-kurrikulu Nazzjonali. Li hu verament tal-mistħija huwa li tuża figuri bla bażi u tibqa` tirrepetihom bit-tama li dawn isiru verità f’moħħ dawk li jkunu qed jisimgħuk.
Bħal ma għamel f’ħafna okkażjonijiet oħrajn, il-Partit Laburista qabad figura li kienet irriferit għaliha l-MUT fit-22 ta’Ottubru ta’ l-2004, aktar minn sentejn ilu, f’laqgħa li din kellha mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant. F’din l-okkazjoni l-MUT semmiet li 80% tal-Kurrikulu Nazzjonali ma kienx twettaq. Il-Gvern mill-ewwel ikkontesta din il-figura fi stqarrija pubblika l-għada stess, fit-23 ta’ Ottubru 2004. Minn dak in-nhar ‘l hawn il-Ministru Galea, fil-Parlament u barra, insista li min għandu xi dokument li jissostanzja din l-allegazzjoni għandu jippubblikah.
Fil-fatt l-MUT ma komplietx tirreferi għal din il-figura, għalkemm fi stqarrija fit-25 ta’ Ottubru 2004 wrew biċ-ċar li din il-figura ma kienetx ibbażata fuq xi studju miktub.
Minkejja dan, l-MLP ħa din il-figura qisha vanġelu u baqa` jirrepetiha kemm-il darba għal dawn l-aħħar sentejn, tant li beda jemmen din l-invenzjoni hu stess u għamel l-allegazzjoni bħala tiegħu. Hu nġust li issa l-Onor Carmelo Abela jgħid li hu qed jirreferi biss għal dak li qalet l-MUT meta kien il-Partit Laburista u l-mexxej tiegħu li għal sentejn sħaħ, użaw din il-figura bla bażi b’mod partiġġjan.
Il-Gvern dejjem wera li f’dan is-settur filwaqt li jagħti direzzjoni ibbażata fuq l-opinjonijiet infurmati ta’ l-esperti, dejjem fittex kunsens wiesgħa ibbażat fuq konsultazzjoni mifruxa. Li kieku l-Oppozizzjoni Laburista trid verament turi li mhix qed tkun partiġġjana f’dan il-qasam, għandha tieqaf tuża figuri żbaljati jew bla bażi, u tieqaf tpinġi kollox iswed fl-edukazzjoni, kif partikolarment iħobb jagħmel il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, u jibda jipparteċipa b’mod sħiħ fil-konsultazzjonijiet li jsiru f’dan il-qasam.
Tajjeb wieħed jinnota li filwaqt li l-Gvern ippublika seba’ dokumenti fuq oqsma ewlenin ta’ l-edukazzjoni, l-Oppożizzjoni qatt ma tat ir-reazzjoni tagħha ħlief meta darba l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni sejjaħ ir-riforma fil-qasam edukattiv, inkluż is-sistema tal-kulleġġi, velenu.
Jekk xi ħadd irid prova oħra ta’ kemm il-Partit Laburista fl-Oppozizzjoni qed ikun partiġġjan f’dan il-qasam kull ma jrid jagħmel hu li jsegwi b’mod regolari l-aħbarijiet ta’ l-istazzjon tal-Partit Laburista, li qed iċaħħad kontinwament lis-semmiegħa tiegħu milli jkunu jafu x’qed jiġri fil-qasam edukattiv, u joffrilhom biss stampa negattiva.
Il-Gvern qed jaħdem bla heda f’dan is-settur u dan jafu l-poplu Malti li dejjem gawda titjib sostanzjali fl-edukazzjoni taħt dan il-Gvern.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958