JINBEDA XOGĦOL TA’ TISBIĦ FIĊ-ĊENTRU TAR-RAĦAL TAL-QRENDI
Fl-aħħar sena rajna ħidma ntensiva mill-ħaddiema fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura li ssarfet f’tisbiħ ta’ diversi bliet u rħula f’pajjiżna. L-għan prinċipali ta’ dawn ix-xogħlijiet hu li joħorġu l-karatteristiċi tar-raħal tipiku Malti. Il-Ministru Ninu Zammit qal dan meta kien qed iżur xogħlijiet ta’ tisbiħ li qed isiru fiċ-ċentru tar-raħal tal-Qrendi.
Ix-xogħlijiet jinkludu pavimentar taz-zuntier tal-Knisja, żewġ toroq prinċipali li jwasslu għall-Knisja, pjazza Santa Marija u l-bankini fil-qalba tar-raħal. Il-pavimentar taz-zuntier tal-knisja li jkopri areata’ madwar 340 metri kwadri, qed isir b’ċangatura tal-granit filwaqt li t-turġien tal-bibien priċipali u taz-zuntier se jsiru minn materjal tal-qawwi.
Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Ministru qal li biex il-knisja tiġi lluminata aħjar ġie deċiż li l-arbli li kienu fuq iz-zuntier jiġu mneħħija, u minflok dan id-dawl dekorattiv se ssir sistema ta’ lluminazzjoni permezz ta’ uplighters..
Fit-Triq Rokku Buhagiar, li hi t-triq priċipali li twasslek għaċ-ċentru u l-knisja tal-Qrendi, se jsir pavimentar b’concreteblocks fiż-żona użata mit-traffiku li tkopri area ta’ madwar 951 metri kwadri. Il-bankini tal-madwar ser jiġu pavimentati b’materjal tal-qawwi b’area ta’ madwar 405 metri kwadri. Fi pjazza Santa Marija, ser isir pavimentar tal-pjazza b’concreteblocks f’area ta’ madwar 520 m2 u l-pavimentar tal-bankini ser isir b’materjal tal-qawwi fuq area ta’ madwar 550 m2. Dan ix-xogħol ser ikun kumplimentari max-xogħol li ser isir fil-pjazza prinċipali sabiex b’hekk iċ-ċentru jkun wieħed uniformi kemm fid-disinn kif ukoll fil-materjal li ser jintuża.
Kif sar f’ċentri ta’ rħula oħra madwar Malta, saru diskussjonijiet ma’ l-Enemalta sabiex l-overhead lines li hemm mal-binjiet li jdawwru ċ-ċentru jiġu mgħoddija minn taħt l-art. Ser jiġu mmanifatturati streetfurniture bħal bankijiet u kontenituri ta’ l-iskart u ser issir sistema ta’ lluminazzjoni b’dawl dekorattiv kumpattibli ma’ l-aspett tradizzjonali tar-raħal.
Ix-xogħlijiet imsemmija kollha qed isiru mill-ħaddiema tal-Gvern u l-investiment totali mill-Gvern ċentrali f’dan il-proġett ser ikun qed jaqbez il-Lm100,000. Hu ppjannat li dan ix-xogħol jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
Fl-aħħarnett il-Ministru Ninu Zammit, qal li l-Gvern jemmen li t-tiżwieqa tal-potenzjal kulturali taċ-ċentri ta’ l-irħula tagħna max-xogħol ta’ tisbih imsemmi hawn fuq huma t-taħlita neċessarja biex jipproduċu vetrini tal-wirt arkitettoniku u vernakulari ta’ pajjiżna.Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958