KONTRIBUZZJONI GĦAS-SETTUR TURISTIKU MIL-‘LOW COST AIRLINES’
“L-introduzzjoni f’Malta tal-‘low cost airlines’ hu żvilupp importanti għat-turiżmu f’pajjiżna għaliex f’dawn l-aħħar snin konna qed inbatu mill-fatt li ma konnix fuq is-siti elettroniċi ta’ dawn il-low cost carriers. L-introduzzjoni din is-sena ta’ titjiriet mil-linji ta’ l-ajru ‘low cost’, Meridiana, Centralwings, Germanwings u Ryanair, tfisser li bejniethom dawn il-linji ta’ l-ajru sa’ l-aħħar ta’ din is-sena jkunu ġabu lejn Malta aktar minn 20,000 passiġġier.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta tkellem waqt il-Laqgħa Ġenerali ta’ l-Assoċjazzjoni tal-Bars u r-Ristoranti ta’ San Pawl il-Baħar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Malta tiddependi għat-turiżmu tagħha mill-ajru u għalhekk kull tnaqqis ta’ titjiriet jfisser għalina nuqqas ta’ turisti. Hu qal li minħabba li d-dipendenza tagħna hi daqshekk kbira fuq t-titjiriet bl-ajru ridna nsibu bilanċ bejn il-linji nazzjonali ta’ l-ajru, li joffrulna titjiriet bl-iskeda u li ilhom jaħdmu fostna għal ħafna snin, u l-linji ‘low cost’ li l-importanza tagħhom qed tikber kuljum.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li aktar kmieni din is-sena l-Gvern ħareġ sejħa għal offerta għal rotot ġodda li għalqet fil-25 ta’ Awissu. Hu qal li l-akbar żewġ linji ta’ l-ajru low cost, Ryanair u Easyjet tefgħu l-offerti tagħhom: Ryanair applikat għat-tliet rotot ta’ Pisa, Dublin u Luton filwaqt li Easyjet applikat ghar-rotot ta’ Luton u Mulhouse-Basel.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Ryanair għamlet l-ewwel żewġ titjiriet tagħha minn Luton u Pisa fil-31 ta’ Ottubru meta ġabet lejn Malta aktar minn 360 passiġġier. Hu qal li Ryanair qed topera titjira kuljum minn Luton u tliet titjiriet fil-ġimgħa minn Pisa. Il-Ministru Zammit Dimech ħabbar li fl-ewwel ġimgħa sħiħa ta’ operazzjoni, jiġifieri bejn il-31 ta’ Ottubru u s-6 ta’ Novembru Ryanair ġabet Malta 1,068 passiġġier minn Luton fir-Renju Unit u 424 minn Pisa – total ta’ 1,494 passiġġier.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fi Frar li ġej Ryanair tibda topera wkoll minn Dublin. Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn dawn it-tliet rotot Ryanair kienet mistennija ġġib lejn pajjiżna aktar minn 90,000 passiġġier matul l-2007. Il-linji ta’ l-ajru l-oħra low cost kienu ser iġibu bejniethom madwar 25,000 passiġġier ora.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fil-31 ta’ Ottubru wkoll il-Gvern ħareġ sejħa bil-ħsieb li jkunu operati titjiriet bejn Malta minn Spanja, Portugall, Svezja, Norveġja, Danimarka, Finlandja u Polonja. Hu qal li jidher li diġa hemm interess f’dawn ir-rotot ġodda.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fl-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar hemm diversi lukandi li jbagħtu jekk in-numru ta’ turisti li jżuru pajjżina jonqos. Hu qal li l-introduzzjoni ta’ titjiriet low cost kienet mistennija li tgħin lis-sidien ta’ dawn il-lukandi li nvestew flushom fihom. Hu qal li kien ċert li mal-lukandi kienu ser igawdu wkoll il-bars u r-ristoranti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-prodott turistiku Malti ridna naħdmu għalih lkoll. Hu qal li inutli li jkollok infrastruttura tajba, lukandi sbieħ u moderni jekk imbagħad min joffri servizz lit-turisti ma jtihomx valur tal-flus li jonfqu, jew agħar minhekk, jisraqhom. Il-Ministru Zammit Dimech qal li biex is-settur turistiku jirpilja u jmur ‘l quddiem ridna naħdmu flimkien u niġbdu ħabel wieħed.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958