AKTAR STUDENTI SE JINGĦATAW TAĦRIĠ FL-ICT
Il-Gvern ħa miżuri biex joffri korsijiet ta’ taħriġ lill-istudenti kollha li kienu fuq il-waiting list ta’ l-MCAST għall-korsijiet fl-ICT.
Wara ħidma bejn il-Ministri Austin Gatt u Louis Galea, flimkien ma’ l-MCAST, il-Gvern ħa miżuri biex aktar minn 320 student li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list ta’ l-MCAST għal korsijiet fl-ICT, jkunu jistgħu jsegwu l-korsijiet li applikaw għalihom. Dan seta’ jsir b’arranġamenti li ġew negozjati ma’ ċentri ta’ taħriġ privati u wara li l-Gvern daħal f’kuntratti definiti ma’ persuni kwalifikati biex l-istudenti jkunu jistgħu jingħataw it-taħriġ tal-korsijiet taħt is-superviżjoni ta’ l-MCAST.
Dan ħabbruh il-Ministri Austin Gatt u Louis Galea meta f’konferenza stampa taw dettalji dwar din l-iskema l-ġdida li minnha se jgawdu mijiet ta’ żgħażagħ u s-settur ta’ l-ICT f’pajjiżna.
Filwaqt li f’dawn l-aħħar snin kien hemm mas-600 student fil-korsijiet kollha fl-Istitut ta’ l-ICT fl-MCAST, din is-sena biss kien hemm aktar minn 600 applikant ġdid. L-MCAST ma kienx sab l-għalliema li kellu bżonn biex jaċċetta l-istudenti kollha li kienu kwalifikati jidħlu fil-korsijiet ta’ l-ICT li applikaw għalihom. Dan fisser li din is-sena kien hemm aktar minn 320 persuna fuq il-waiting list għall-ħames korsijiet li joffri dan l-Istitut.
Il-Ministru Austin Gatt qal li m’hemmx dubju li l-iżviluppi li saru f’dan il-qasam f’dawn l-aħħar xhur u s-suċċess li qed ikollu pajjiżna f’dan is-settur sostnut b’investiment u edukazzjoni fil-livell primarju u sekondarju qed iħajjar aktar studenti jagħżlu korsijiet marbuta ma’ l-ICT. Filwaqt li n-numru ta’ applikazzjonijiet huwa ta’ inkoraġġiment kbir għas-settur ta’ l-ICT li għandha bżonn dejjem aktar nies imħarrġin fl-ICT, dan hu biss il-bidu u għad fadal ħafna x’isir jekk irridu li pajjiżna jieħu l-massimu mill-iżviluppi li qed iseħħu f’dan il-qasam.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea qal li dan il-pass jikkonferma l-priorita` li l-Gvern qed jagħti għall-edukazzjoni u t-taħriġ u kemm l-MCAST hi istituzzjoni li kapaċi tagħraf il-bżonnijiet ta’ l-istudenti u l-pajjiż u li hi flessibbli biżżejjed biex tirrispondi malajr għal dawn il-bżonnijiet.
Sadanittant għall-applikanti li qegħdin fil-waiting list :-
· L-MCAST offra li jaċċetta lill-applikanti kollha;
· Minflok jattendu għall-lezzjonijiet fl-MCAST, dawn l-applikanti ser ikunu jistgħu jagħżlu li jattendu għall-lezzjonijiet għand wieħed mill-erba’ ċentri ta’ taħriġ privati (li huma parti mill-programm tal-MIIIT myPotential). L-erba` ċentri huma : Key Training Services, STC Training, Computer Domain u St. Martins Computer Training Centre;
· Kurrikula komparabbli ma’ dak li joffri l-MCAST għal dawn iż-żewġ korsijiet ser ikunu segwiti mill-erba’ training providers u fl-aħħar tas-sena akkademika ser jingħata ċ-ċertifikat lill-dawn l-istudenti mingħand l-MCAST.
· Dawn l-istudenti ser ikollhom benefiċċji daqs l-istudenti li jattendu l-MCAST, fosthom l-għotjiet ta’ manteniment (stipendji).
· Għalkemm l-istudenti ser jattendu għand dawn it-training providers, l-istudenti mhux ser iħallsu xejn bħalma jagħmlu sħabhom li jattendu fl-MCAST għaliex il-Gvern ser jiffinanzja t-taħriġ li ser jingħata.
· L-istudenti li ser imorru għand l-erba’ training providers tal-myPotential, se jkunu rikonoxxuti bħala studenti ta’ l-MCAST f’kollox u għaldaqstant ikollhom aċess għar-riżorsi li jipprovdi l-MCAST inkluż il-librerija u faċilitajiet oħrajn.
Il-Ministru Austin Gatt spjega kif dawn iċ-ċentri ta’ taħriġ privati huma kollha organizzazzjonijiet professjonali u serji; u l-esperjenza li għandhom fil-qasam tat-taħriġ fl-ICT żgur li jista’ jserraħ moħħ l-istudenti u l-ġenituri tagħhom. Hu qal li l-MIIIT daħal fi sħab ma’ dawn it-training providers għall-inizjattiva myPotential, u jaf sew x’isarrfu u hu għalhekk li r-responsabbiltà li jgħallmu lil dawn l-istudenti ġiet offruta lil dawn l-organizzazzjonijiet.
Il-Ministru Galea spjega kif filwaqt li ċ-ċentri ta’ taħriġ privati se joffru spazju u riżorsi għall-istudenti li applikaw għall-Foundation Certificate u għall-First Diploma li kienu fuq il-waiting list, l-Istitut ta’ l-ICT fl-MCAST se jipprovdi l-ispazju u r-riżorsi għal dawk li applikaw għan-National Diploma u għall-Higher National Diploma (23 software development, 47 ICT systems support). Dan sar possibbli wara li l-Gvern għamel arranġamenti speċjali u ħareġ sejħa għal persuni kwalifikati biżżejjed biex jagħtu t-taħriġ tal-livell meħtieġ fl-ICT. Għal din is-sejħa kien hemm interess biżżejjed, tant li l-Gvern ikkuntratta t-trainers meħtieġa. Sadattant sar investiment qawwi biex saru Laboratorji tal-Kompjuter ġodda fl-Istitut ta’ l-ICT.
Għas-snin li ġejjin, il-Gvern ser ikompli jaħdem biex joħroġ b’miżuri innovattivi biex filwaqt li nibqgħu nżommu l-kwalità u l-standards tat-tagħlim ikun possibbli li n-numru ta’ gradwati jkompli jikber. Il-Gvern qed jaħdem biex sas-sena 2009, l-istituzzjonijiet tal-Gvern, primarjament l-MCAST u l-Universita’, flimkien ma’ dawk privati flimkien ikollhom kapaċita` li jipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ li jistgħu jwasslu għal 1,500 gradwat fl-ICT fis-sena.
Il-Ministru Galea spjega kif l-MCAST u l-Università qed jaħdmu biex fis-snin li ġejjin jgħinu l-pajjiż jilħaq il-miri tiegħu mhux biss fl-ICT, imma f’oqsma oħrajn ukoll. L-MCAST għaddej bi proċess mgħaġġel ta’ tfassil u implimentazzjoni ta’ Master Plan biex jipprovdi għall-iżvilupp tal-faċilitajiet meħtieġa fl-għaxar snin li ġejjin. Fost, ħwejjeġ oħra, dan jinvolvi investiment qawwi fl-infrastruttura tal-Kulleġġ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ spazji, laboratorji, u apparat . Il-Gvern se jinvesti miljuni ta’ liri direttament kif ukoll permezz tal-fondi strutturali ta’ l-Unjoni Ewropea, primarjament ir-Regional Development Fund (ERDF) u l-European Social Fund (ESF) kemm fl-MCAST kif ukoll fl-Universita` fejn hu mistenni li jinbena Ċentru tas-Servizzi tal-Kompjuter ġdid b’investiment ta’ € 2m.
Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed juri fiduċja fil-kapaċità taż-żgħażagħ Maltin, fiduċja fil-kapaċità ta’ l-MCAST u l-għalliema u l-amministraturi tiegħu, u fiduċja fis-settur privat. “Din hi l-viżjoni u dan hu l-programm tal-Gvern li jiżviluppa socjeta’ mibnija fuq l-għerf u l-kapaċitajiet ta’ l-individwu biex jiġbed lejn pajjiżna investiment u intrapriża li jiddependu mill-kapaċijiet tal-ħaddiema tagħna.”
Il-Ministru Galea irringrazzja lill-Ministru Austin Gatt tal-ħidma enerġika tagħhom li flimkien ma’ l-MCAST u ċ-ċentri ta’ taħriġ privati wasslu għal dawn il-miżuri li fihom il-Gvern ser ikun qed jinvesti eluf kbar ta’ liri f’taħriġ ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Huwa temm jgħid li din l-esperjenza fetħet triq ġdida ta’ kollaborazzjoni bejn istituzzjonijiet pubbliċi u privati ta’ edukazzjoni u taħriġ li twassal għal kwalifiki u kompetenzi ta’ kwalita` u standards rikonoxxuti internazzjonalment. Din il-kollaborazzjoni għandha tkun il-bażi biex nersqu lejn l-ambizzjoni li nagħmlu minn Malta ċentru reġjonali ta’ servizzi edukattivi u ta’ taħriġ.
Il-Ministru Gatt sostna li fl-istess ħin trid tikber l-għażla ta’ korsijiet ċertifikati minn ażjendi u istituzzjonijiet internazzjonali. “Irridu nkattru l-għażliet u l-ispeċjalizzazzjonijiet li jistgħu jiksbu l-istudenti Maltin billi jiskbu ċertifikati minn Oracle, Cisco, Microsoft, u IBM.
Il-Ministru Austin Gatt temm jgħid li l-iżviluppi li seħħew fil-qasam tat-Teknologija ta’ l-Informatika ma kienx ikun possibbli llum li kieku l-Gvern matul is-snin ma nvestiex b’mod qawwi fit-tixrid ta’ l-IT f’kull qasam inkluż fl-edukazzjoni mill-ewwel snin fl-iskejjel primarji. Hu qal li madankollhu kull żvilupp iġib miegħu sfidi ġodda, sfidi li dan il-Gvern, għax jemmen fil-poplu Malti, dejjem ra kif jittrasforma f’opportunitajiet ġodda.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958