“SELF EMPLOYMENT HUWA PROBABILTA’ KBIRA TA’ IMPJIEG GĦALL-ISTUDENTI TAL-LUM FID-DINJA TAX-XOGĦOL TA’ GĦADA” – SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO
“Il-probabilita’ li l-istudenti tal-lum huma l-imprendituri ta’ għada hija akbar minn qatt qabel, hekk kif f’pajjiżna qegħdin dejjem jiżdiedu dawk li jaħdmu għal rashom. Il-kunċett tal-‘job for life’ qiegħed kull ma jmur jispiċċa, u qegħdin jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ imprenditorija. Għal din ir-raġuni, bħala Segretarjat qegħdin naħdmu biex inbiddlu l-mentalita’ ta’ pajjiżna f’waħda aktar imprenditorjali. Biex dan iseħħ, irid ikollna taħriġ sħiħ fl-imprenditorija, li għandu jibda mill-aktar edukazzjoni bikrija. Dan ifisser li l-imprenditorija għandha tingħata l-importanza meħtieġa fil-primarja, sekondarja u f’istituzzjonijiet post-sekondarji.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-SelfEmployed, Edwin Vassallo kien qiegħed jitkellem fil-ftuħ ta’ laqgħa għal guidance teachers li t-tema tagħha kienet l-imprenditorija.
Waqt il-laqgħa tkellmu wkoll Daniel Debono mill-Malta Enterprise, Philippe Vancell mill-Executive Training Division, Manuel Cutajar minn Giovanni Curmi Higher Secondary School u Josef Buttigieg mill-MCAST Institute of Business and Commerce.
L-Onor. Vassallo semma l-ħidma li qiegħda ssir mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed permezz ta’ inizjattivi favur l-edukazzjoni fl-imprenditorija li jinsabu fil-Pjan ta’ Ħidma, ppubblikat aktar kmieni din is-sena. Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega kif “f’Marzu 2005 is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed nieda l-Programm Nazzjonali dwar l-Imprenditorija, bil-għan li l-inizjattivi kollha favur tagħlim ta’ l-imprenditorija fl-iskejjel ikunu organizzati fuq livell Nazzjonali. Dan qiegħed isir bil-għan li tingħata aktar importanza lis-sens tad-dmir ta’ servizz ta’ kull min qiegħed fin-negozju. L-aċċess għan-negozju joktor u pajjiżna jkun miftuħ għal aktar negozju ta’ kwalita’, iżjed ma jkollna dikussjoni miftuħa dwar xi tfisser il-kultura mprenditorjali. Din il-kampanja edukattiva hija maħsuba biex tilħaq dawn is-suġġetti:
| a) | Il-ħtieġa li kull min qiegħed fin-negozju jifhem li huwa ta’ servizz lejn il-klijenti tiegħu. Din il-kampanja edukattiva għandha ssir permezz ta’ diskussjoni pubblika maħsuba biex tqajjem aktar interess fil-valur intrinsiku tal-kummerċ meta dan ikun ta’ servizz lejn il-bniedem u l-komunita’. Hekk, mill-etika tal-kummerċ inkunu qegħdin nitkellmu dwar il-valur tal-kummerċ. |
| b) | II-valur tax-xogħol u r-rispett lejn il-ħaddiem. Ix-xogħol għandu jitqies bħala valur, filwaqt li l-ħaddiema li huma impjegati għandhom ikunu wkoll rispettati. Dan il-messaġġ għandu jkun parti minn messaġġ li jiġi diskuss speċjalment maż-żagħżagħ u dawk li diġa jimpjegaw il-ħaddiema magħhom. |
| c) | Il-profitt ġust huwa neċessita’ importanti fil-kummerċ u l-imprenditorija u ma jistax jibqa’ jitqies bħala xi azzjoni nġusta. Bħala parti mill-edukazzjoni għall-kultura mprenditorjali li rridu naraw f’pajjiżna, jenħtieġ li nibdew nitkellmu aktar dwar il-qliegħ ġust bħala bżonn li huwa parti ntegrali mill-attivita’ kummerċjali. Il-profitt ma jistax jitqies bħala aspett negattiv. |
| d) | Il-kummerċ u dawk kollha li huma mdaħħla fil-kummerċ, għandhom ikunu stmati b’mod pożittiv. Għalhekk, huma meħtieġa, u rridu nkunu miftuħa għan-negozju. Iżjed ma jonqos il-preġudizzju li jista’ jkun hawn lejn min qiegħed fin-negozju, iżjed nistgħu naslu li bħala kultura nkunu miftuħa għal izjed negozju. |
L-Onor. Vassallo spjega wkoll li qegħdin isiru proġetti pilota ma’ diversi Skejjel Primarji, biex tingħata esperjenza fl-imprenditorija lit-tfal fl-iskejjel primarji. Qed tkompli tkun żviluppata sinerġija ma’ għaqdiet bħalma huma Scoops, Young Enterprise, Start Up Malta u SIFE, li qegħdin jippromwovu l-qsim ta’ l-esperjenza ta’ l-Imprenditorija bis-sistema “learning by doing”. Qegħdin isiru wkoll, fuq bażi regolari laqgħat fl-MCAST, fejn uffiċjali ta’ Dipartimenti u Awtoritajiet qegħdin imorru jitkellmu ma’ studenti ta’ l-aħħar sena fl-istituti kollha ta’ l-MCAST, bil-ħsieb li l-istudenti jkunu mogħtija l-aktar informazzjoni possibbli dwar is-servizzi u l-obligazzjonijiet legali li huma mitluba min-negozji. Qegħdin isiru tħejjijiet ukoll biex l-imprenditorija tkun suġġett diskuss aktar ma’ studenti fl-universita’, kif ukoll ma’ imprendituri li diġa’ qegħdin fin-negozju. It-taħriġ ta’ l-imprenditorija għandu jkun suġġett komuni għal kull livell u suġett.
“L-imprenditorija twassal għal żieda fix-xogħol u l-ħidma tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għandha twassal għal żieda fl-attivita kummerċjali. Għandna nħejju lill-istudenti tagħna mhux biss fl-attivita professjonali jew artiġjanali tagħhom, iżda wkoll fis-sengħa imprenditorjali. Żieda fl-attivita’ kummerċjali, jew żieda fin-negozju, ma tfissirx bil-fors il-ftuħ ta’ aktar negozji, iżda tista’ tissarraf f’aktar persuni fil-qasam tas-servizzi. Fil-ġejjieni ser ikun hemm aktar opportunitajiet għal ftuħ ta’ negozji żgħar, speċjalment fl-oqsma ta’ riċerka u servizzi, u ż-żgħażagħ tal-lum huma proprju l-imprendituri ta’ għada” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958