RESTAWR FUQ IL-KAPPELLA TA’ SAN PAWL TAL-QLEJJA, MOSTA
Impenn u Investiment tal-Gvern favur il-konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna
It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura waslet biex tikkonkludi proġett ieħor ta' restawr, dak tal-Kappella ta' San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta. Meta kien qed iżur ix-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit tenna li dan ix-xogħol hu “ornament” ieħor f’vetrina ta’ xogħlijiet ta’ restawr li saru fix-xhur u s-snin li għaddew, xogħol delikat u speċjalizzat li qed isarraf f’konservazzjoni tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.
Il-Kappella ddedikata lin-Nawfraġju ta' San Pawl, magħrufa aħjar bħala ta' San Pawl tal-Qlejja, tinsab f'Wied Qlejja fil-limiti tal-Mosta. Din kienet inbniet fis-sena 1690 minflok knisja oħra, u ġiet ikkonsagrata ħames snin wara jiġifieri fl-1695.
Għalkemm illum il-Kappella għandha 'l fuq minn 300 sena, il-kundizzjoni tagħha għadha relattivament tajba. Madankollu, il-faċċati kellhom ħafna mill-fili miftuħin li kienu qed iwasslu għal dħul ta' ilma li jikkawża ħafna ħsara fil-ġebla u fl-intern tal-kappella. Meta kien qed jispjega x-xogħlijiet, il-Ministru Ninu Zammit qal li x-xogħol ta' restawr inkluda t-tindif tal-faċċati kollha u t-tberfil tal-fili tal-ġebla b'taħlita apposta u kompatibbli mal-kulur preżenti tal-ġebla. Sar ukoll plastic repair tal-partijiet nieqsa jew imkissra, u t-tiswijiet neċessarji tad-deffun. Wara li tlesta t-tikħil neċessarju fuq ġewwa, il-kappella issa qed titbajjad b’taħlita magħmula primarjament mill-ġir. Bħala parti mill-proġett tar-restawr, u kif qed isir regolarment fuq proġetti simili, il-madwar immedjat tal-kapella ukoll qed jiġi restawrat. Għaldaqstant il-ħitan tal-pont li jinsab biswit din il-kappella ukoll qed jiġu rrestawrati.
Il-proġett ġie restawrat mill-ħaddiema tal-Works Division u x-xogħlijiet mistennija li jiġu kompluti fi ftit ġranet oħra.
”Dawn ix-xogħlijiet ta’ restawr fuq diversi kappelli mifruxa f’zoni rurali issa jiffurmaw lista numeruża li turi biċ-ċar l-impenn u l-investiment tal-Gvern. Dan mhux biss qed jikkonserva binjiet storiċi u ta’ valur nazzjonali, iżda qed jindokra kull rokna ta’ pajjiżna biex l-ambjent storiku u infrastrutturali jitjieb għall-livelli għoljin. Pajjiżna hu mgħoni b’binjiet ta’ valur storiku. Għaldaqstant huwa d-dmir tagħna lkoll li nikkonservaw dawn il-binjiet li jiffurmaw parti mis-sisien ta’ l-istorja ta’ pajjiżna”, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958