Left arrow Go Back

INXERRDU L-FTEHIM U L-PAĊI FID-DINJA

PR1496
Date Icon 01/11/2006

“It-tpinġija hi l-lingwa internazzjonali li tgħaqqad flimkien lit-tfal tad-dinja fi sforz biex jifhmu aktar lil xulxin u hekk jikkontribwixxu biex tixxered il-paċi fid-dinja.” Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor.  Francis Zammit Dimech meta inawgura l-wirja “191 Children’s Views of the World”, mtella’ mill-‘GenevaWorld Association’ flimkien mal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fl-Imħażen Carraffa, fix-Xatt tal-Birgu. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li t-tfal tal-lum huma l-ġenerazzjoni u l-mexxejja ta’ għada. Hu qal li kien għalhekk importanti li minn meta għadhom żgħar ngħallmuhom jagħmlu differenza bejn dak li hu tajjeb u dak li hu ħażin, bejn dak li jwassal għall-paċi u dak li jwassal biex fid-dinja jkun hawn aktar konflitti; biex jifhmu l-kruħa tal-gwerra u s-sbuħija li ngħixu fil-paċi. Il-Ministru Zammit Dimech qal li fid-dinja hawn tfal li ma jafux x’inhi l-paċi għaliex għexu ħajjithom kollha fi gwerer. Hu qal li hawn tfal li minn żgħar ħafna kienu strumenti tal-gwerra għaliex hekk għamluhom dawk akbar minnhom. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-inizjattiva  ta’ GenevaWorld Association li jiġbru flimkien tfal mill-pajjiżi Membri tan-Nazzjonijiet Uniti f’wirja ta’ disinji fejn esprimew it-tħassib dwar il-ħajja li qed jgħixu hi ta’ min jinkoraġġiha u jsostniha għaliex inizjattivi bħal dawn iressqu lit-tfal tad-dinja aktar lejn  xulxin u jwassluhom biex jifhmu aktar lil xulxin. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din l-inizjativa tiġbor ukoll fiha r-rwol doppju tal-Ministeru tiegħu, t-turiżmu u l-kultura. Hu qal li kemm it-turiżmu kif ukoll il-kultura kienu mezzi li jgħaqqdu flimkien lill-popli għaliex meta t-turist iżur pajjiż ieħor, japprezza u jifhem il-kultura ta’ ħaddieħor. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kuntatt personali jkattar il-ftehim bejn il-popli u allura jwassal biex titkattar il-paċi.   

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura fakkar ukoll li din il-wirja qed tinżamm f’post li sa ftit tas-snin ilu kien wieħed żdingat, u li għaliex sar restawr intensiv fuqu bħala parti mill-proġett tal-Kottonera, li llum qed iservi għal wirjiet kbar ta’ ċertu kalibru. Hu qal li l-ewwel wirja kbira li saret f’dan il-post kienet dik tax-xogħlijiet ta’ Caravaggio, li ttelgħet bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet li saru f’pajjiżna biex titfakkar is-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Hu qal li dik il-wirja bdiet mixja f’pajjiżna lejn ħafna pajjiżi oħra kif il-‘109 Children’s Views of the World’ qed tibda l-mixja tagħha fid-dinja li għandha tintemm fil-Kwartier Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lil GenevaWorld għall-ħidma kulturali u filantropika li tagħmel u għall-promozzjoni ta’ ftehim reċiproku tal-kulturi tad-dinja permezz ta’ kuntatti u bdil bejn persuni minn pajjiżi differenti. Hu irringrazzjahom ukoll għaliex jippromwovu promozzjoni reċiproka fil-qasam turistiku. Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ried jirringrazzja wkoll lill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li ħadmu flimkien ma’ GenevaWorld Association biex dan il-proġett seta’ jseħħ u awgura li t-tfal Maltin iżuru din il-wirja hekk interessanti. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow