Left arrow Go Back

QAFAS NAZZJONALI TAL-KWALIFIKI GĦAL MALTA

PR1495
Date Icon 01/11/2006

Il-Gvern, permezz tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, se joħloq sistema ġdida li tpoġġi l-kwalifiki kollha li jinkisbu f’Malta f’qafas ta’ tmien livelli li jiċċertifikaw il-proċess ta’ tagħlim tul il-ħajja. “Din ser tkun l-ewwel darba li jkollna mappa ċara tal-livelli kollha ta’ kwalifiki li jistgħu jinkisbu f’Malta. Il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki jagħti informazzjoni ċara ta’ xi jkun meħtieg biex tidħol u biex tikkwalifika f’kull livell.  Dan huwa għodda importanti ħafna għall-ħaddiema u min iħaddem u ser tgħin biex is-suq tax-xogħol fl-ekonomija tagħna jkun aktar organizzat u jippermetti ċaqliq minn post għall-iehor b’aktar faċilitá, sew f’Malta kif ukoll fl-Ewropa.”  

Dan ħabbru il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagh u Xogħol, l-Onor.  Louis Galea meta dalgħodu nieda l-proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-proposti kif għandhom ikunu dawn it-tmien livelli ta’ kwalifiki li jkun japplikaw għal kull settur u kull  tip ta’ xogħol.  Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki twaqqaf b’liġi mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħazagh u Xogħol u għandu bħala Chairman lill-ex Segretarju Permanenti s-Sur Charles Mizzi u lil Dr James Calleja bħala l-Kap Eżekuttiv.  Il-konsultazzjoni se tkompli sejra sa Marzu 2007 meta mbagħad jiġi stabbilit uffiċjalment il-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki f’Malta u Għawdex. 

Fil-Qafas ta’ tmien livelli jidħlu l-kwalifiki kollha li jinkisbu b’mod formali f’Malta minn kwalunkwe istituzzjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ fil-livelli obbligatorji, vokazzjonali u ta’ edukazzjoni ogħla.  Il-Qafas jaħseb ukoll għal-livelli fil-proċess ta’ tagħlim u taħriġ mhux formali u informali. F’dan il-proċess l-esperjenza li persuna tkun kisbet fil-ħajja tax-xogħol tagħha tkun tista` tiġi assessjata u valorizzata a bażi ta’ dawn il-livelli.  

Fil-proċess ta’ konsultazzjoni se ikunu nvoluti b’mod sħiħ l-Universita`, l-MCAST, l-ITS, id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-istituzzjonijiet privati, min iħaddem u unions.  Il-Qafas ta’ Kwalifiki Nazzjonali ser jiffaċilita l-proċess tat-tagħlim u t-taħrig billi jipprovdi rotot ċari mill-iżgħar sa l-ogħla livell f’qafas wieħed.  It-tmien livelli huma komparabbli mat-tmien livelli li qed jiġu proposti fil-Qafas ta’ Kwalifiki Ewropej li l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew adottaw f’Settembru li għadda. 

Il-Ministru Louis Galea qal li Malta ser tkun minn ta’ quddiem li tkun poġġiet f’postha sistema bħal din li ser tkun minsuġa mas-sistema Ewropea ta’ kwalifiki. Fuq livell Ewropew dan ser ikun pass importanti ħafna fil-qasam ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien mal-ħidma li qed issir f’żewg proċessi oħra li jissejhu l-Proċess ta’ Bologna u l-Proċess ta’ Copenhagen. “Aħna rridu li biex uliedna jirnexxu lkoll, ikollna sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li kapaċi jappoġġjaw ħafna aħjar il-bżonnijiet u t-talenti ta’ l-individwu u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol.  Jeħtieġ ukoll li niffaċilitaw ħafna aħjar l-akkreditazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u nformali kif ukoll ir-rikonoxximent ta’ kwalifiki ta’ istituzzjonijiet privati u barranin.  Irridu li min iħaddem jersaq ħafna aktar viċin lejn is-sistema edukattiva li għandha tkun eqreb lejn l-istrateġiji ta’ investiment u s-suq tax-xogħol.” 

Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki se jorganizza serje ta’ laqgħat dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki ma’ l-imsieħba f’dan is-settur.  Min jipprovdi t-taħriġ, l-Industrija, Trade Unions, kunsilli ta’ l-istudenti, assoċjazzjonijiet tal-ġenituri u oħrajn se jkunu involuti direttament fil-konsultazzjonijiet li se jwasslu biex ikun pubblikat Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki  li jkun appoġġjat minn tliet dokumenti tekniċi dwar l-użu tal-qafas, quality assurance, u linji ta’ gwida għal sistema ta’ edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET) fi ħdan il-Qafas Nazzjonali. 

Għal aktar informazzjoni dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki ippublika tlett fuljetti: Il-Kwlifiki bħala Għodda għall-Impjieg; Glossarju ta’ Terminoloġija Assoċjata mal-Qafas ta’ Kwalifiki; u Gwida dwar il-Qafas ta’ Kwalifiki u Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki.   

Dawn il-fuljetti jistgħu jinkisbu minn fuq is-sit elettroniku ta’ l-MQC’s www.mqc.gov.mt jew inkella mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki, Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, il-Furjana, Telefon: 2598 2526.   

Min jixtieq jikkontribwixxi għad-dibattitu dwar il-Qafas Nazzjonali ta’ Kwalifiki jew min jixtieq li jiltaqa’ mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki għandu jagħmel dan billi jikteb lill-Kunsill bl-email: mqc@gov.mt jew billi jċempel 2598 2379. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow