IL-MINISTRU LOUIS DEGUARA ISEGWI T-TĦEJJIJIET GĦAT-TRASFERIMENT LEJN L-ISPTAR MATER DEI
Bi żjara fl-isptar Mater Dei, il-Ministru tal-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, l-Onor. Louis Deguara ħa l-opportunità biex jiltaqa’ ma’ wħud minn dawk li qed jgħinu fil-preparazzjoni u l-koordinazzjoni tal-migrazzjoni għal Mater Dei u jirringrazzjhom tax-xogħol siewi li qegħdin jagħmlu.
Fl-Isptar Mater Dei, il-Ministru ltaqa’ ukoll mal-Migration Facilitators u wħud mill-Clinical Leads li qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol. Il-Migration Facilitators għandhom ir-responsabilità li jassistu u jagħtu l-għajnuna meħtieġa lid-Dipartimenti u servizzi kliniċi, filwaqt li l-Clinical Leads huma l-kuntatt bejn il-migration facilitators u l-impjegati, u s-servizz jew dipartiment li jirrappreżentaw.
Fit-thejjijiet għat-trasferiment qed jieħdu sehem ukoll il-Practice Development Nurses, li kienu wkoll preżenti għal din iż-żjara. Il-Ministru ntlaqa’ f’Mater Dei mill-Kap Eżekuttiv tal-Isptar, Marion Rizzo, mill-Manager għall-Migrazzjoni, Mario Hili u mill-On Site Project Manager ta’ Skanska SMJV, John Wilson.
Wara preżentazzjoni qasira li fiha ingħata tagħrif dwar il-faċilitajiet u innovazzjonijiet li wieħed isib fl-isptar, il-Ministru ġie mdawwar mad-diversi sezzjonijiet tal-isptar, fosthom id-Dipartiment tal-Medical Imaging (X-Rays), is-swali tat-tfal u d-Dipartimenti tal-Ġinekoloġija u Ostetrija, kif ukoll is-swali tal-Kirurġija, it-teatri tal-operazzjonijiet u d-Day Care.
Fid-dipartimenti differenti, il-Kap tad-Dipartiment, ħaddiema oħra u l-Migration Facilitators taw tagħrif dwar l-operat tad-Dipartiment jew is-Sala kkonċernata u dwar l-apparat mediku li jinsab fiha.
Il-preżentazzjoni li saret kif ukoll iż-żjara fl-isptar, kienet tixbaħ ferm liż-żjarat li qed isiru għall-istaff ta’ San Luqa, li matulhom s’issa telgħu iktar minn 2,009 impjegati. Żjarat simili qed isiru wkoll għall-Unions li jirrappreżentaw lill-ħaddiema.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958