IT-TFAL IFAKKRU “POPPY DAY”
“It-tfal tal-lum jenħtieġ li jkunu konxji tas-sagrifiċċji u t-tbatijiet li għaddew minnha missirijietna u tal-qlubija li wrew biex iddefendew lil pajjiżna fi żmien il-gwerra. Dan l-apprezzament għandu jgħin lill-ġenerazzjonijiet li telgħin iħobbu aktar lil pajjiżhom, jirrispettaw aktar lill-anzjani tagħna u jgħożżu l-paċi”. Dan qalu l-Onor. Louis Galea, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol meta dalgħodu tkellem waqt ċeremonja qasira imma sinjifikattiva li saret għall-ewwel darba u li fiha t-tfal fakkru l-‘Poppy Day’. Din l-attività tat bidu għall-‘Poppy Appeal Fund Collections’ għal din is-sena.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Louis Galea kompla jgħid li l-ħsieb wara l-organizzazzjoni ta’ din l-attività qasira, imma sinjifikanti, hu li jerġa’ jdaħħal id-drawwa, li kienet teżisti fl-imgħoddi li t-tfal ifakkru lil dawk li ħallew ħajjithom fil-gwerra. Il-Ministru Galea fisser attività bħal din bħala parti mill-proċess edukattiv li għandu l-iskop li jsawwar it-tfal tal-lum f’ċittadini tajba. Filwaqt li ħabbar li għas-snin li ġejjin hemm il-ħsieb li din l-attivitá tibqa’ tissaħħaħ, qal ukoll li f’din l-okkażjoni, l-istudenti kollha ta’ Malta u Għawdex ġew mitluba jiftakru fis-sagrifiċċju ta’ missirijietna biex jitħarsu l-paċi u l-ħelsien f’pajjiżna.
Waqt din l-attività tkellem ukoll il-President Emeritus Dr Ċensu Tabone li fakkar li l-Monument tal-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir għandu għalih sinifikat speċjali għaliex kien inawgurah, flimkien mal-Maestà Tagħha r-Regina Eliżabetta II meta kien President ta’ Malta. Huwa semma wkoll l-esperjenzi tiegħu meta kien jaħdem bħala tabib ma’ l-Armata Ingliża fi żmien il-Gwerra u mhux l-ewwel darba li kien hu wkoll fil-periklu li jitlef ħajtu waqt il-qadi ta’ dmirijietu.
F’din l-attività, organizzata mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, li saret ħdejn il-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir fil-Belt, ħadu sehem studenti li jattendu l-iskejjel primarji tal-Belt u tal-Furjana. Għal din l-okkażjoni, minbarra l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol attendew bosta personalijiet distinti oħra fosthom il-Prim Imħallef, Dr Vincent Degaetano, l-ogħla uffiċjali tal-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, rappreżentant tal-Forzi Armati ta’ Malta, Jill Camilleri - il-Konslu Onorarju ta’ New Zealand u oħrajn. Attenda wkoll l-Arċipriet tal-parroċċa tal-Furjana li mexxa wkoll talb għall-okkażjoni.
Hekk kif il-mistiednin waslu fuq il-post, studenti miż-żewġ skejjel ta’ l-istat tawhom pepprina - poppy - biex jilbsuha waqt din l-attività. Wara l-kant ta’ l-Innu Malti l-istudenti ta’ l-iskola Antonio Galea tal-Furjana kantaw diversi kanzunetti li jfakkru l-ħerba u t-tbatija li jġibu magħhom il-gwerer, kif ukoll oħrajn li jfakkru l-qlubija ta’ nies li taw ħajjithom għal pajjiżhom. L-istudenti ta’ l-Iskola Sant’Iermu tal-Belt Valletta qraw poeżiji marbuta ma’ l-istess temi.
Wara li l-Ministru Galea għamel id-diskors tiegħu, huwa flimkien ma’ żewġ studenti, telgħu t-taraġ li jagħti għal ħdejn il-qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir biex f’ħoġorha poġġew kuruni magħmula mill-pepprin, is-simbolu qawwi ta’ Jum it-Tifkira (Remembrance Day). Żewġ suldati membri tal-Forzi Armati daqqew il-‘Last Post’ li tfakkar il-mejtin tal-gwerra, segwita minn minuta silenzju u daqq tar-‘Reveille’ li tfisser l-qawmien. Iċ-ċeremonja spiċċat bid-daqq tal-Qanpiena ta’ l-Assedju l-Kbir.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958