DISKORS MILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA TAL-KROAZJA, L-EĊĊELLENZA TIEGĦU S-SUR STJEPAN MESIĆ, WAQT IL-PRANZU STATALI MOGĦTI F’ĠIEĦ IL-PRESIDENT TA’ MALTA U S-SINJURA FENECH ADAMI – ZAGREB – IL-ĦAMIS, 26 T’OTTUBRU 2006
Sur President, (Għażiż kollega),
Sinjura Fenech-Adami,
Eċċellenzi,
Sinjuri,
Hu ta’ privileġġ kbir u pjaċir għalija li nagħti merħba lilek, lill-mara tiegħek u lill-membri tad-delegazzjoni għolja Maltija fl-okkażjoni ta’ l-ewwel skambju ta’ viżti ta’ l-ogħla livell bejn Malta u r-Repubblika tal-Kroazja.
Din iż-żjara hija ta’ l-akbar importanza għar-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna għax tiftaħ orizzonti ġodda ta’ kooperazzjoni bbażati fuq relazzjonijiet bilaterali u multilaterali li dejjem kienu tajbin ħafna.
L-istorja tagħna, sew dik ta’ l-imgħoddi mbiegħed kif ukoll dik aktar reċenti, għandhom ħafna komuni bejniethom. L-artijiet tagħna kellhom esperjenza ta’ ħakmiet u influwenzi kulturali u reliġjużi mill-aktar diversi; il-pajjiżi tagħna żviluppaw bħala parti minn Stati oħra sakemm rebħu l-indipendenza u r-rikonoxximent internazzjonali...
Aħna wkoll, bħalkom, għaddejna sekli sħaħ nappartjenu lill-parti l-qadima taċ-ċivilta’ – dik tal-Mediterran, u naħseb li dalwaqt ser inkunu flimkien fil-parti moderna taċ-ċivilta’ – dik ta’ l-Unjoni Ewropea.
Hija x-xewqa tiegħi li nara lill-Kroazja, bħala pajjiż ta’ l-Ewropa ~entrali u tal- Mediterran, rikonoxxuta fl-Unjoni Ewropea mhux biss f’termini ta’ l-orjentament ġeografiku tagħha, iżda wkoll bħala pajjiż li fih, minkejja l-esperjenza kiefra tal-gwerra, hemm post għat-tolleranza etnika u reliġjuża, għall-ko-eżistenza u għall-bini ta’ futur komuni.
Nixtieq ukoll nara lill-Kroazja rikonoxxuta bħala ġara tajba li ċ-ċittadini u l-mexxejja tagħha jafu jħarsu lejn il-futur billi jitgħallmu mill-passat.
Aħna konxji mill-fatt li biex nistabbilixxu relazzjonijiet bħal dawn jeħtieġ li nistinkaw bla heda fil-livelli kollha tal-gvern u s-soċjeta’.
Nieħu din l-opportunita’ biex nirringrazzja lil Malta talli rrikonoxxiet u appoġġjat l-isforzi tagħna biex nersqu aktar qrib lejn is-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea.
L-appoġġ sod tagħkom biex il-Kroazja jkollha post temporanju fil-Kunsill tas-Sigurta’ hu kontribut għar-rikonoxximent internazzjonali tal-Kroazja, u aħna nixtiequ nieħdu din l-opportunita’ biex nesprimu l-gratitudni tagħna.
Aħna rridu nintensifikaw f’kull qasam ir-relazzjonijiet bilaterali ma’ Malta. Dawn diġa’ huma tajbin ħafna u ta’ ħbiberija mingħajr ebda kwistjoni pendenti, iżda fil-futur qarib se jkollna nkabbru l-qafas legali li huwa l-pedament ta’ kooperazzjoni tassew intensiva.
Il-Kroazja segwiet b’interess u attenzjoni l-progress ekonomiku ta’ Malta. Għalhekk aħna napprezzaw il-preżenza ta’ nies mill-qasam kummerċjali fid-delegazzjoni uffiċjali tagħkom, li huma r-rappreżentanti ta’ kumpaniji ewlenin Maltin interessati biex jikkooperaw ma’ msieħba kummerċjali fil-Kroazja.
Il-Kroazja hija interessata b’mod partikulari biex tiskambja l-esperjenza, l-investimenti u l-proġetti konkreti fit-turiżmu, fil-bini ta’ bastimenti u fis-settur finanzjarju. Aħna rridu wkoll nippromwovu r-relazzjonijiet reċiproċi tagħna fil-kultura, fix-xjenza u fl-isport, u b’mod partikolari li nintensifikaw il-kooperazzjoni bejn l-universitajiet tagħna.
Il-Kroazja kkooperat intensivament ma’ Malta meta kienet għadha tagħmel parti mill-Jugoslavja. Dak iż-żmien kien implimentat f’Malta proġett esplorattiv, xjentifiku, u fit-tul fl-istudju tad-dijabete, liema proġett bena s-sisien għal ħidma u riċerka medika indipendenti f’dak il-qasam.
Il-promozzjoni tar-relazzjonijiet bilaterali tagħna b’mod ġenerali hija wkoll ta’ importanza partikulari għall-futur komuni tagħna. Sew il-Kroazja kif ukoll Malta jappartjenu għall-grupp ta’ pajjiżi hekk imsejħa żgħar ġewwa l-Unjoni. Aħna nħossuna konxji li livell għoli ta’ armonija fil-pożizzjonijiet tagħna fuq kwistjonijiet reġjonali u globali jista’ jikkontribwixxi bil-kbir biex jgħolli l-kwalita’ tar-relazzjonijiet fit-totalita’ tagħhom.
Sur President, għażiż kollega,
Fl-imgħoddi rabtiet mill-qrib, iżda wkoll, skond sorsi diplomatiċi, relazzjonijiet ta’ ‘ħbiberija u fiduċja partikulari’, kienu jgħaqqdu lil Malta mar-Repubblika ta’ Dubrovnik.
Naħseb li taqbel miegħi li d-diskussjoni tagħna llum u l-apprezzament amikevoli reċiproku li qed nesprimu f’din l-okkażjoni wrew li aħna ninsabu qrib ħafna ta’ dik l-atmosfera storika.
Nistenna b’ħerqa li r-relazzjonijiet ta’ bejnietna jiżviluppaw fit-triq li diġa’ stabbilejna u fl-ispirtu ta’ ‘ħbiberija u fiduċja partikulari’. B’dawn il-ħsibijiet, ippermettuli nipproponi li nixorbu bis-saħħa tiegħek, Sur President, u tas-Sinjura tiegħek, u b’riżq il-kooperazzjoni bejn iż-żewġ pajjiżi tagħna, il-ħbiberija bejn iċ-ċittadini tagħna u l-futur Ewropew komuni tagħna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958