INVESTIMENT LI SER IWASSAL GĦAL TITJIB FL-ESPERJENZA TAL-PASSIĠĠIERI LI JUŻAW IT-TRASPORT PUBBLIKU BI SKEDA
Fil-ġimgħat li ġejjin, dawk kollha li ser ikunu qed jużaw il-karozza tal-linja ser jibdew igawdu minn investiment mis-settur privat u mill-Gvern fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku ta’ Malta.
F’diskors qasir waqt it-tnedija ta’ Smart TV, is-servizz ta’ televiżjoni uffiċċjali tal-karozzi tal-linja, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, Jesmond Mugliett qal li n-numru ta’ passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku żamm relattivament stabbli fl-aħħar snin.
“Bejn l-1 t’Ottubru tas-sena l-oħra u t-30 ta’ Settembru, it-trasport pubbliku bi skeda intuża minn 29,817,385 passiġġier. Għalkemm dan in-numru huwa inqas mit-30,175,749 li kienu reġistrati fl-istess perjodu sena qabel, dan jitqabbel sew meta tqis li fit-tliet ijiem tal-istrajk ġenerali li sar din is-sena, kien wassal għal telf ta’ 196,868 f’patrunaġġ; filwaqt li ż-żieda ta’ 138,797 passiġġier fuq ir-rotot diretti ta’ l-Università li effettivament inaqqas il-bżonn li l-istudenti jaqbdu żewġ karozzi tal-linja biex jaslu fid-destinazzjoni tagħhom,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu żied jgħid li minkejja dan, il-pubbliku qiegħed jistenna titjib fil-prodott li joffri t-trasport pubbliku bi skeda, u l-Gvern qed jieħu numru ta’ inizjattivi ta’ investiment fir-riżorsi umani li jħaddmu s-sistema, kif ukoll fl-infrastruttura li tintuża mill-passiġġieri.
“L-ewwel minn dawn l-iniżjattivi ser tkun l-installazzjoni ta’ tabelli li jindikaw ir-rotot kollha li jieqfu fuq bus stop partikolari, b’kull waqfa matul ir-rotta indikata b’mod grafiku u ċar, kif ukoll il-ħinijiet li topera kull rotta. Bħal issa qed isiru it-tħejjijiet biex ix-xahar id-dieħel jibdew jitwaħħlu it-tabelli ma’ l-ewwel 100 bus shelter. L-ispejjeż ta’ dawn it-tabelli grafiċi ser jinqasmu bejn l-Awtorità dwar it-Trasport u l-kumpannija li tieħu ħsieb il-manutenzjoni tal-bus shelters,” żied jgħid il-Ministru Mugliett.
“Qed ninvestu wkoll f’taħriġ għall-operaturi fit-trasport pubbliku, biex dawn itejjbu l-ħiliet ta’ customer care tagħhom. Bħalissa mal-50 transport assistants qed jattendu kors li ser ikun segwit minn ieħor għal 119 sewwieq tal-karozzi tal-linja bħala parti minn programm ta’ Lm400,000 ko-finanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew ta’ l-Unjoni Ewropea, li ser iħarreġ anke sewwieqa tat-taxis, tal-karozzini u tal-‘coaches’, fost oħrajn,” qal il-Ministru.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq semma wkoll it-taħdidiet li għaddejjin bħalissa bejn l-Assoċjazzjoni tat-Trasport Pubbliku, l-Awtorità dwar it-Trasport u l-Ministeru dwar ir-riforma tat-trasport pubbliku bi skeda. Hu qal li wara li f’Ġunju saret reviżjoni fil-proposta għal regolament ġdid ta’ l-Unjoni Ewropea dwar is-servizzi tat-Trasport Pubbliku bil-Linji tal-Ferrovija u bit-Triq, id-diskussjonijiet dwar ir-riforma kellhom jiġu ri-orjentati. Il-Ministru żied jgħid li hu jinsab ottimist li ser naslu ghal ftehim li verament jissarraf f’titjib sostanzjali tas-servizz fit-tul.
Il-Ministru Mugliett temm billi faħħar l-iniżjattiva li qed tieħu Smart Digital Network Limited bl-istallazzjoni ta’ television screens fuq kull karozza tal-linja ġdida u t-tnedija ta’ information channel, li ser jibda’ jitħaddem fuq dawn il-vetturi waqt ix-xogħol tar-rotta.
“Dan is-servizz ġdid u l-inizjattivi tal-Gvern li ddeskrivejt aktar kmieni ser joffru esperjenza aħjar għal kull min juża is-servizz ta’ trasport pubbliku bi skeda. Bihom is-servizz ser jieħu wkoll dehra aktar professjonali u serja li fl-aħħar mill-aħħar ser ittejjeb il-Prodott Malta anke f’kuntest turistiku,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958