IL-MINISTRU PULLICINO JIPPARTEĊIPA FIL-LAQGĦA TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI TA’ L-AGRIKOLTURA
Waqt diskussjoni dwar it-tema tal-mudell agrikolu għall-ġejjieni, il-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent tkellem dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-biedja fl-Ewropa u l-ħtieġa ta’ bidliet fil-Politika Agrikola Komuni biex jirriflettu dawn l-isfidi u opportunitajiet.
Il-Ministru Pullicino kien qed jitkellem waqt il-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Agrikoltura li qed jiltaqa’ fil-Lussemburgu.
Pullicino tkellem dwar il-ħtieġa li jingħata gharfien akbar liċ-ċirkostanzi partikolari fis-settur agrikolu ta’ pajjiżi bħal Malta fit-tfassil ta’ mudell agrikolu aktar adattat għall-ħtiġiet tal-lum u ta’għada. F’dan l-isfond, il-Ministru Pullicino appella sabiex il-Politika Agrikola Komuni ta’ l-Unjoni Ewropea ma tqisx biss l-aspetti komuni iżda tiffoka wkoll fuq miżuri li huma adattati għal każijiet ta’ eċċezzjoni.
Il-Ministru Pullicino tenna l-ħtieġa li titnaqqas il-burokrazija u jkunu simplifikati l-miżuri ta’ għajnuniet għall-bdiewa u r-raħħala.
Hu saħaq fuq l-importanza ta’ pjan ta’ komunikazzjoni aktar effettiva biex jinforma lill-pubbliku dwar il-Politika Agrikola Komuni fl-Unjoni Ewropea u appella sabiex il-pass li jmiss fir-riforma ta’ din il-politika għandu jkun aktar miftuħ għal diskussjoni aktar wiesgħa minn qatt qabel.
Fl-aħħarnett, il-Ministru Pullicino tkellem dwar il-ħtiega għal aktar għarfien mill-konsumaturi ta’ l-impenn u proċessi dettaljati mistennija minn prodotti agrikoli Ewropej sabiex ikunu mħarsa s-saħħa tal-konsumatur u l-ambjent. Dawn il-proċessi huma ferm aktar impenjattivi minn dawk ta’ prodotti minn pajjiżi terzi u allura joffru serħan ir-ras akbar lill-konsumatur Ewropew meta dan jiġi biex jagħżel.
Dan l-għarfien u rikonoxximent min-naħa tal-konsumatur għandu jgħin sabiex il-biedja fl-Ewropa tilqa’ aħjar għall-isfidi li għandha llum u fil-ġejjieni. Dan ir-rikonoxximent u sens ta’ lealta’ min-naħa tal-konsumaturi Ewropej isarraf ferm aktar minn kull għajnuna finanzjarja li tista’ tingħata lill-bdiewa u lir-raħħala, temm jgħid il-Ministru Pullicino
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958