JIDĦLU FIS-SEĦĦ AKTAR EMENDI GĦALL-KODIĊI TA’ L-ORGANIZZAZZJONI U PROĊEDURA ĊIVILI
PR1449
24/10/2006
Is-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern jgħarraf lill-pubbliku in ġenerali illi, b’effett mil-lum, 24 ta’ Ottubru 2006, qed jidħlu fis-seħħ numru ta’ artikoli ġodda li permezz ta’ l-Att XIV ta’ l-2006, emendaw il-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.
Dawn l-emendi ser iġibu fis-seħħ żewġ partijiet importanti ta’ riforma fis-settur ġudizzjarju u dawn huma:-
| a) | Mil-lum ‘l quddiem, il-proċedura fil-mandati ta’ sekwestru tneħħitilha parti mill-burokrazija li kellha qabel u qed issa tipproteġi aħjar in-negozji ż-żgħar u medji. Fil-fatt issa, wara li mandat ta’ sekwestru jiġi ppreżentat u notifikat, kull min ikollu l-flus f’idejh għandu, fi żmien wieħed u għoxrin ġurnata, jiddepożitahom il-Qorti u minn issa ’l quddiem, mandat ta’ sekwestru m’huwiex applikabbli fuq faċilitajiet bankarji ta’ overdraft, fuq flus li jkunu tqegħdu għad-disposizzjoni tas-sekwestrat b’kuntratt ta’ self għall-bini, kostruzzjoni u manteniment ta’ djar intenzjonati għall-abitazzjoni tas-sekwestrat u fuq garanziji bankarji u ittri ta’ kreditu. |
| b) | Gwida u aġġornament tal-ġurisdizzjoni marittima b’mod u manjiera li, mil-lum ‘l quddiem, il-liġi li tirregola ċ-ċirkostanzi li fihom il-Qrati tagħna ser ikunu jistgħu jisimgħu kawżi marittimi ‘in rem’, ma tibqax liġi tas-seklu l-ieħor, iżda liġi aġġornata li tieħu konjizzjoni tad-diversi żviluppi li seħħew f’dan il-qasam fil-kamp internazzjonali, inklużi l-“Arrest Convention 1952” u l-“Arrest Convention 1999”. Għalhekk illum, bis-saħħa ta’ dawn l-emendi, l-Qrati tagħna ser ikunu jistgħu jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq ferm iktar tipi differenti ta’ talbiet marittimi li qabel ma setgħux, bħal talbiet li joħorġu minn vertenzi li jirrigwardaw iċ-charterparties, ħlas ta’ premiums tad-ditti assikurattivi tal-bastimenti u clubs, u diversi tipi ta’ talbiet marittimi oħrajn. Dan jitqies bħala pass importanti ieħor sabiex ikompli jsaħħaħ il-pożizzjoni ta’ Malta fil-qasam marittimu internazzjonali. |
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958