IL-LIBERALIZAZZJONI TAS-SUQ TAL-FUEL
Il-Gvern ta’ Malta qatt ma ddubita mill-prinċipju tal-liberalizzazzjoni tas-suq tal-fuel imma ried biss ikun żgur li l-forma li tingħata lil din il-liberalizzazzjoni, tkun ta’ l-akbar benefiċċju għall-konsumatur Malti. Dawn il-benefiċċji jkopru diversi fatturi fosthom is-saħħa u s-sigurtà, il-ħarsien ta’ l-ambjent, l-istabbilità tas-suq u servizz aħjar għall-konsumatur.
Għalhekk, filwaqt li fit-Trattat ta’ sħubija, d-data ta’ meta dan kellu jseħħ kienet l-1 ta’ Jannar 2006 – kif tgħid sewwa l-istqarrija tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 t’Ottubru 2006 – il-Gvern ħass li m’għandux jissagrifika proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni għal punt legali.
Proċess tali jieħu l-ħin u, f’dan il-każ, ħa aktar milli kien previst meta tħejja t-Trattat. Il-proċess ta’ konsultazzjoni, li fih ħadu sehem konsumaturi kif ukoll entitajiet kummerċjali, issa lest u jonqos biss il-formalitajiet ta’ l-aħħar biex din il-liberalizzazzjoni tidħol fis-seħħ.
Il-Gvern irid iserraħ moħħ kulħadd, speċjalment il-konsumatur Malti u l-operaturi f’dan il-qasam, li l-proċess biex dan is-suq jiġi liberalizzat jinsab avvanzat u ghaldaqstant l-istess proċess għandu jiġi konkluż fil-futur immedjat.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958