LEJL TA’ ARTI, KULTURA U DIVERTIMENT FIL-BELT VALLETTA
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech ta bidu għal lejl ta’ attivitajiet bħala parti minn “Notte Bianca – Lejl Mdawwal”. Din l-attivita’ ġiet organizzata mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, f’kollaborazzjoni man-National Lotteries for Good Causes Fund tal-Ministeru tal-Finanzi u bl-appoġġ tal-Kunsill Lokali Valletta, l-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta, The Westin Dragonara Resort Malta u Capital Radio 88.7.
Il-Ministru Zammit Dimech awgura lill-poplu Malti u Għawdxi u lit-turisti li hawn fostna bħalissa li jkollhom lejl mill-aqwa ta’ divertiment fil-kapitali ta’ pajjiżna. Hu qal li kien jemmen li attivitajiet bħal dawn kienu jwasslu biex jagħtu ħajja ġdida lill-belt Valletta u jkomplu jpoġġuha fuq il-mappa dinjija tal-kultura u l-arti.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li din kienet l-ewwel sena li din l-attivita’ kienet qed tiġi organizzata f’Malta. Hu qal li minkejja dan kienu qed jiġu organizzati ’l fuq minn 40 attivita’ f’kull parti tal-belt Valletta, f’teatri, palazzi, bini storiku u barra fil-pjazez, ġonna u toroq.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kull min ser jitla’ il-Belt se jkollu l-opportunita’ li jżur mużewijiet u galleriji ta’ l-arti. Hu qal li bejn is-6.00 p.m. u nofs il-lejl se jkunu miftuħa Casa Rocca Piccola, il-Mużew tal-Ġugarelli, l-iState Rooms u l-Armerija fil-Palazz tal-President, il-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija, il-Librerija Nazzjonali u l-Vee Gee Bee Art Gallery.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li ser ikun hemm ukoll żjarat organizzati, fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, it-Teatru Manoel, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Mużew ta’ l-Arkeoloġija, l-iState Rooms u l-Armerija. Hu qal li żjarat oħra animati jew organizzati ser ikollhom suġġetti partikolari li jinkludu ‘is-sess fil-Belt’, ‘l-arti fil-belt Valletta’, ‘Il-belt Valletta tul il-gwerer’ u ‘iħirsa fil-Belt’.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li mis-6.00 p.m. ‘l hinn, ser ikun hemm miftuħa tmien esibizzjonijiet fosthom wirjiet ta’ fotografija, storja, presepji tal-Milied, pittura u wirja dwar Mozart. Hu qal li dawn il-wirjiet qed jittellgħu fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran, fil-Café Premiere, is-Sala San Franġisk, il-Kavallier ta’ San Ġakbu, il-Berġa ta’ l-Italja u Triq Zakkarija. Hu qal li il-wirja viżiva ‘The Malta Experience’ ser tkun miftuħa fiċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li wara nofs il-lejl l-attivitajiet mhux ser jonqsu u għalhekk l-organizzaturi ħadu ħsieb li jkun hemm drama u mużika sas-6.00 ta’ filgħodu fis-sit tat-Teatru Rjal, Karnival f’Misraħ l-Assedju l-Kbir; wirja tal-moda fil-parti ta’ fuq ta’ Triq ir-Repubblika; drama fl-Universita’ l-Qadima. Hu qal li bejn nofs il-lejl u s-2.00 ta’ filgħodu se jkun organizzat bankett medjovali fi Triq il-Merkanti, faċċata ta’ l-Armerija fil-Palazz Presidenzjali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li x-xahar ta’ Ottubru qed jinbidel f’xahar mill-aktar intensiv ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi. Hu qal li matul dawn il-jiem kien qed jiġi organizzat il-Festival tal-Ibliet Storiċi ta’ Malta u bħala parti minn dan il-festival jsir il-Valletta Military Tattoo fejn baned lokali u barranin jagħtu wirja spettakulari f’Misraħ San Ġorġ. Hu qal li mhux b’kumbinazzjoni li llum hi waħda mill-ġranet ta’ dan il-Military Tattoo li jiġbed lejħ mijiet ta’ Maltin u barranin li qabel u wara l-wirja tal-baned, jistgħu jingħaqdu mal-bqija tan-nies għal aktar divertiment u briju fil-belt.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li kien ċert li ‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal’ kien issa daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet kulturali u artistiċi biex jibqa’. Hu qal li dan kien biss possibbli għaliex kien hemm team ta’ mpjegati fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti li kienu lesti jagħtu ħinhom u l-enerġiji tagħhom biex jorganizzaw attivitajiet ta’ livell għoli. Hu qal li lil dawn ried jirringrazzjahom.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958