ISIRU L-AĦĦAR PREPARAZZJONIJIET GĦAN-‘NOTTE BIANCA’
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura, l-Onor. Francis Zammit Dimech dalgħodu żar diversi siti fejn ser isiru attivitajiet konnessi ma’ l-attivita’ ‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal’ li ser tittella’ bejn il-lejl ta’ għada u l-Ħadd, l-14 u 15 ta’ Ottubru. Il-Ministru Zammit Dimech żar il-Barrakka ta’ Fuq, is-sit tat-Teatru Irjal, Misraħ il-Ħelsien u s-swar ta’ San Mikiel, li huma wħud mis-siti fejn ser jittellgħu diversi mill-attivitajiet.
Fil-Barrakka ta’ Fuq, fejn intrama palk apposta, il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-media kollha li żammew lill-poplu Malti infurmat b’dak li ser iseħħ fin-‘Notte Bianca – Lejl Imdawwal’. Hu qal li kien jemmen li din il-lejla ser tidħol fil-kalendarju ta’ attivitajiet u kienet ser tikkontribwixxi biex il-belt Valletta tingħata ħajja ġdida.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-idea nibtet meta kellem lil Dr Paul Mifsud, id-Direttur Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, dwar ix-xewqa tiegħu li f’Malta wkoll tiġi organizzata ‘Notte Bianca’ bħal dik li ssir f’Ruma u Pariġi u bliet oħra fl-Ewropa. Hu qal li din kienet ix-xrara li wasslet biex Mary Ann Cauchi mhux biss marret tara x’iseħħ f’iljieli bħal din, barra minn Malta, iżda li ġiet lura Malta mimlija entużjażmu biex aħna wkoll norganizzaw ‘Notte Bianca’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lil Dr Paul Mifsud, lil Mary Ann Cauchi li kkoordinat il-ħidma kollha għal din il-lejla, lill-gruppi kollha li flimkien ħadmu magħha lejl u nhar, biex din il-ħolma ssir realta’.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-ġranet li għaddew tant kien hemm persuni li aċċessjaw il-websitewww.nottebiancamalta.com li l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kellu jżid il-broadband capacity ta’ dan is-sit biex ilaħħaq iżjed ma’ l-interess li qed jiġi ġġenerat. Hu fakkar li ser ikun hemm trasport pubbliku tul il-lejl kollu għall-konvenjenza tal-pubbliku għal dan l-avveniment, li qed ikun organizzat għall-ewwel darba f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958