Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, WAQT SEMINAR ORGANIZZAT MIR-RICHMOND FOUNDATION: “BUILDING AWARENESS – REDUCING RISK: SUICIDE AND SUICIDE PREVENTION” FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI GĦAS-SAĦĦA MENTALI 2006

PR1373
Date Icon 10/10/2006

Sinjuri, 

L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa waqfet il-ġurnata dwar is-saħħa mentali għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel għan kien biex tqajjem kuxjenza fil-pajjiżi kollha sabiex is-saħħa mentali tingħata l-importanza meħtieġa fil-politika nazzjonali tal-pajjiż.  F’Malta nistgħu ngħidu li għal dawn l-aħħar ħmistax-il sena, il-gvern ħadem fuq numru ta’ binarji.  L-ewwel ta impetus kbir biex is-servizzi tas-saħħa mentali jagħmlu qabża fil-kwalità.  It-tieni kabbar il-firxa ta’ servizzi sabiex jippromwovi s-saħħa mentali u t-tielet, ta servizzi aktar personalizzati u multidixxiplinarji lill-klijenti tagħna. 

Ħadem ukoll biex jegħleb l-istigma u d-diskriminazzjoni fis-soċjetà lejn il-pazjenti li jbagħtu bil-mard mentali.  Sfortunatament f’pajjizna, bħal f’kull pajjiż ieħor, din l-istigma għadha evidenti minkejja d-diversi sforzi u inizjattivi li l-gvern ħa sabiex tixxejjen.  Din il-problema tinħtieġ bħala soluzzjoni bidla kulturali fis-soċjetà tagħna sabiex ngħelbu l-preġudizzji li għad hawn fuq il-mard mentali u dawk kollha li jbatu minnu. 

Hemm ħtieġa ta’ aktar edukazzjoni u informazzjoni għall-pubbliku dwar is-saħħa mentali.  Poplu edukat hu l-bażi fundamentali sabiex tispiċċa l-istigma u diskriminazzjoni lejn persuni b’mard mentali.  Il-gvern hu kommess sabiex jagħti aktar għajnuna għall-kampanji edukattivi dwar is-saħħa mentali.  Il-gvern hu ukoll kommess li jgħaddi liġi ġdida dwar is-saħħa mentali sabiex id-dinjità u d-drittijiet umani tal-persuni b’mard mentali jiġu mħarsa waqt li jassigura li s-servizzi kemm pubbliċi kif ukoll dawk mgħotija mis-settur privat ikunu ta’ l-aqwa kwalità u jindirizzaw l-ħtiġijiet kollha ta’ dawn l-klijenti u l-familji tagħhom.  Il-liġi se tesiġi li kull professjoni fil-qasam tas-saħħa, u mhux dik medika biss, se jkollha l-obbligu li tipparteċipa b’mod attiv u ugwali fil-kura ta’ dawn il-persuni sabiex il-kura tkun ħolistika u personalizzata. 

Bħal ma jsir kull sena, l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tagħżel tema għal ġurnata dwar is-saħħa mentali.  It-tema ta’ din is-sena hija: “Building Awareness – Reducing Risk: Mental Illness and Suicide”. 

Is-suwiċidju huwa t-tielet l-aktar kawża ta’ mewt fl-etajiet ta’ bejn il-15 u 44 sena.  Fl-Ewropa ir-rata ta’ suwiċidju tvarja minn 44 kull 100,000 persuna fil-Litwanja għal 3.6 kull 100,000 persuna fil-Greċja.  F’Malta l-problema tas-suwiċidju turi li r-rata medja tagħna għal dawn l-aħħar 10 snin kienet ta’ 4.8 kull 100,000 persuna.  L-istatistika turi ukoll li t-trend hi waħda stabbli.  Imma statistika ta’ para suwiċidji, jiġifieri attentati ta’ suwiċidji li ma jseħħux, ma tinżammx, u għalhekk hu diffiċli li wieħed ikun ċert mill-kobor reali tal-problema.  Ir-riċerka turi li f’diversi pajjiżi Ewropej, għal kull suwiċidju jkun hemm medja ta’ 15 l-attentat li ma jseħħux.   

Ir-rata baxxa ta’ suwiċidji f’Malta hi konsonanti mar-rati baxxi li nsibu fil-Mediterran u tispika aktar id-differenza mar-rati għolja li naraw fl-Ewropa ta’ Fuq, tal Lvant u l-pajjiżi Baltici.   Ir-raġuni prinċipali tar-rati baxxi fil-Mediterran hija dovuta primarjament għall-kultura u l-ħajja soċjali prevalenti f’dawn il-pajjiżi.  Ir-riċerka turi li wieħed mill-fatturi li jipproteġu kontra s-suwiċidju huwa kemm ix-xibka soċjali hija effettiva u ta’ support għall-individwu meta jsib ruhu f’ċirkostanzi diffiċli.  F’Malta xxurtjati li sal-lum għad għandna rabtiet b’saħħitom u fuq bażi sod bejn il-familja, ġirien u ħbieb  Din hija ħaġa pożittiva u ta’ ġid kbir għal kull min hu fil-bżonn, tiddistingwina bħala Maltin u anke għalhekk biss, għandna l-obbligu li nistinkaw biex inġedduha. 

Imma fis-soċjetà moderna f’hekk imsejħa mis-soċjoloġi bħala l-era tal-post moderniżmu, l-indivizzwaliżmu u r-relattiviżmu qegħdin jikbru u jispikkaw tant li it-tessut soċjali li aħna mdorrijin fih qiegħed bil-mod il-mod jixxejjen.  Għalhekk hu dover tal-gvern li fit-tfassil tal-politika soċjali tiegħu jwieżen u jiffaċilità dawn is-social networks sabiex mhux biss ma nagħtux lok għal rati għolja ta’ suwiċidju imma ukoll nikkontrollaw u nnaqsu problemi soċjali oħra marbuta biex ma tkissirx ta’ din in-nisġa soċjali.  Din il-politika soċjali kienet dejjem ta’ prijorità għal gvern preżenti u dejjem rajna li nagħtu attenzjoni partikolari sabiex l-iżvilupp soċjali u ekonomiku ma jkunx ta’ riskju jew ta’ ħsara għal poplu Malti. 

Hu fatt magħruf li d-dipressjoni u l-abbuż mill-alkoħol u drogi hija l-aktar problema soċjali u mentali assoċjata mas-suwiċidju.  Tant hu hekk li l-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma li 50% fil-mija ta’ dawk li jikkommettu suwiċidju jkunu jsofru minn abbuż ta’ droga jew alkoħol u li 90% ta dawn il-pazjenti fl-istess perjodu jkunu għaddejjin minn perjodu ta’ dipressjoni.

Mid-diversi riċerki li saru kemm fl-Ewropa u anke fl-Amerika d-dipressjoni hija l-aktar fattur komuni li twassal mhux biss għas-suwiċidju imma li ukoll ixekkel l-iżvilupp u l-potenzjalità ta’ l-individwu biex jipparteċipa bl-aktar mod effettiv f’kull ambjent tas-soċjetà.  Ir-rata ta’ dipressjoni qegħda tikber l-aktar fl-adoloxxenti.  Biex nikkumbattu dan il-fatt, il-gvern hu kommess li jniedi servizzi ġodda ta’ prevenzjoni u kura għad-dipressjoni mmirati aktar lejn l-adoloxxenti.  Qegħdin naħdmu ma Ministeri u Aġenziji governattivi kif ukoll għaqdiet non-governattivi  bħar-Richmond Foundation u l-Mental Health Association biex infasslu programmi effettivi kontra dipressjoni fl-etajiet ta’ bejn id-9 u 15-il sena. 

Nagħlaq billi nħeġġiġkom li fid-diskussjonijiet tagħkom f’dan is-seminar tanaliżżaw u toħorġu b’rakkomandazzjonijiet ta’ kif is-soċjetà u mhux il-gvern waħdu, jistgħu jsaħħu u jtejbu dak kollu tajjeb u pożittiv biex nipproteġu nies suxxettibbli għad-dipressjoni u suwiċidju. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow