DISKORS TA’ L-ONOR. CENSU GALEA, MINISTRU GĦALL-KOMPETITTIVITA’ U KOMUNIKAZZJONI, WAQT IL-PRESS LAUNCH TAL-EUROPEAN BUSINESS TEST PANEL FUQ “BETTER REGULATION” (REGOLAMENTAZZJONI AĦJAR)
Nixtieq nibda billi nirringrazzja lill-Forum Malta fl-Ewropa u lil dawk kollha involuti fl-organizzazzjoni ta’ din l-attivita’ li qiegħda timmarka l-introduzzjoni tal-European Business Test Panel f’pajjiżna. Din hija għodda oħra li bla dubju sejra tkun ta’ benefiċċju fl-ambizzjoni tagħna li jkollna regolamentazzjoni u leġiżlazzjoni aktar effettiva u ta’ inqas piż fuq in-negozju.
Regolamentazzjoni Aħjar (Better Regulation) hija element kruċjali ta’ l-istrateġija ta’ Lisbona, u dan huwa rifless fost l-oħrajn fil-Programm Nazzjonali ta’ Riforma li Malta bdiet taħdem fuqu s-sena li għaddiet. Biex nilħqu l-miri ta’ l-istrateġija hemm bżonn li naraw li l-leġislazzjoni tkun immirata lejn il-kompetittivita’, bl-għan ewlieni jkun dak li l-ekonomija ta’ l-Unjoni Ewropea ssir aktar dinamika u kompetittiva. L-istrateġija ta’ Lisbona ssejjaħ għal tnaqqis fl-ispejjeż għan-negozju fl-Ewropa u għat-tneħħija ta’ burokrazija bla bżonn, kemm fuq livell Ewropew u kemm fl-istati membri infushom. Dan jista’ jintlaħaq biss billi r-regolamentazzjoni tkun waħda li tikkrea inċentiv għall-kummerċ, li tevita spejjeż żejda u li tinkoraġġixxi l-innovazzjoni.
Strateġija ta’ regolamentazzjoni aħjar m’għandhiex tiġi kkunsidrata bħala attakk fuq ir-regolamentazzjoni fiha nnifisha. Ħafna regolamenti huma vitali, per eżempju dawk li jissalvagwardjaw il-kompetizzjoni u d-drittijiet tal-konsumatur. Għaldaqstant, bil-ħsieb li jiffaċilita l-kummerċ, ir-rwol tal-Gvern biex jirregola aħjar huwa li jnaqqas l-ammont ta’ ħin u flus li organizzazzjonijiet jużaw biex ikunu konformi mal-liġi.
Meta nqisu l-għan li jiġi ffaċilitat il-kummerċ, regolamentazzjoni aħjar m’għandhiex tfisser biss li tittejjeb il-kwalita’ ta’ kif isiru l-liġijiet. Filwaqt li dak l-għan jibqa’ rispettat, il-mira għandha tkun ferm aktar ambizzjuża, billi jkun hemm rabta diretta bejn il-kwalita’ tal-leġiżlazzjoni (kemm dik li toriġina lokalment kif ukoll dik li toħroġ mid-direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea) u l-impatt li jista’ jkollha fuq in-negozju. F’dan is-sens, ir-rwol tas-settur pubbliku se jkun jinvolvi wkoll emfasi ħafna ikbar favur regolamentazzjoni aħjar.
Ir-riforma regolatorja fl-Ewropa qieghda tkun ibbażata fuq prinċipji adottati internazzjonalment. Dawn jinkludu li ladarba jkun assigurat, permezz ta’ konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, li regolamenti ġodda huma neċessarji, ir-regoli u l-istandards għandhom ikunu implimentati b’mod ġust, fl-interess tal-konistenza. Ir-rimedji għandhom ikunu proporzjonali mar-riskju eżistenti. Biex jassiguraw trasparenza u sempliċita’, ir-regolaturi għandhom jiffaċilitaw is-sehem ta’ l-istakeholders u jżommu r-regolamentazzjoni sempliċi u ffukata.
Aktar minn 90 fil-mija tal-kumpanniji Maltin jaqgħu taħt il-kategorija ta’ negozji żgħar u medji. Dawn jinkludu wkoll ħafna ‘self-employed’ u potenzjalment huma dawk li l-iktar jimbuttaw ’il quddiem l-innovazzjoni. Dan juri li n-negozji ż-żgħar huma parti vibranti mill-ekonomija Maltija.
Madankollu, dan ma jfissirx li n-negozji ż-żgħar jistgħu jaddattaw rwieħhom mingħajr diffikultajiet. Minħabba diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom, l-aktar minħabba nuqqas ta’ riżorsi (umani u ta’ xort’oħra), in-negozji ż-żgħar huma affettwati b’mod sproporzjonali bi ħtiġijiet regolatorji u piżijiet burokratiċi. Ir-regolamentazzjoni tista’ tnaqqas il-kapaċita’ tagħhom li jikbru u, fl-aħħar mill-aħħar, il-kompetitittivita’ tagħhom. In-negozji Maltin, minħabba d-daqs relattivament żgħir tagħhom, għandhom spejjeż ta’ compliance ikbar minn dawk li l-kompetituri tagħhom għandhom fi swieq akbar minn tagħna.
Meta wieħed iqis l-importanza tan-negozji ż-żgħar fl-ekonomija Maltija, kwalunkwe regolament li jikkawża problemi għal numru ta’ kumpanniji jkollu konsegwenzi fuq l-andament ekonomiku nazzjonali. Għandna għalhekk naraw kif innaqqsu dawn l-ispejjeż biex tiżdied il-flessibilita’ u l-kapaċita’ ta’ nvestiment f’riċerka u żvilupp.
Il-Gvern huwa impenjat li jaħdem fuq regolamentazzjoni aħjar, kif jidher ċar f’diversi dokumenti li ħareg, fosthom l-NRP innisfu u fid-Dokument ta’ Qabel il-Baġit.
Permezz ta’ l-istrateġija ta’ l-e-government, Malta diġa ħadet ħafna miżuri maħsuba li jnaqqsu l-piż regolatorju amministrattiv fuq in-negozji, billi għamlet ħafna mis-servizzi tal-Gvern disponibbli b’mod elettroniku. Malta qiegħda wkoll tadotta b’pass mgħaġġel il-kunċett ta’ “one-stop shops”, fi sforz ieħor biex tkun simplifikata l-compliance mal-liġi.
Il-Gvern qiegħed jaħdem ukoll fuq Action Plan fuq is-Simplifikazzjoni, li tinkludi numru ta’ proposti dwar kif jistgħu jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi u finanzjarji fuq in-negozjanti u ċ-cittadini. Dawn jinkludu simplifikazzjoni u reviżjoni ta’ liġijiet, u t-tneħħija ta’ liġijiet qodma li m’għadhomx relevanti. Il-proposti huma bbażati fuq eżerċizzju li evalwa regolamenti u tariffi eżistenti u li sar minn kull dipartiment tal-Gvern u entita’ pubblika.
Fil-preżent, l-abbozzi ta’ avviżi legali u regolamenti huma akkumpanjati minn Legal Notice checklist li huwa Impact Assessment bażiku. Il-Gvern żviluppa din is-sistema biex tiddaħħal kultura fejn l-impatt finanzjarju u amministrattiv ta’ miżuri regolatorji fuq is-settur privat u dak pubbliku jkun analizzat mill-Ministeri meta tkun proposta leġiżlazzjoni ġdida.
Il-Legal Notice checklist tkopri aspetti ġenerali, li jinkludu l-għanijiet u r-raġunijiet wara l-pubblikazzjoni; tistaqsi jekk l-istakeholders ġewx konsultati u jekk sarx Regulatory Impact Assessment, l-impatt fuq is-settur privat u fuq il-Gvern, u x’riżultati huma mistennija. Jittieħdu in konsiderazzjoni numru ta’ aspetti bħal dawk ekonomiċi, soċjali u ambjentali.
Il-konsultazzjoni saret parti integrali mix-xogħol tas-settur pubbliku, u llum titqies parti mill-modus operandi tal-Gvern meta jintroduċi policies jew liġijiet ġodda. Ministeri, dipartimenti, u entitajiet oħra pubbliċi jaħdmu id f’id ma’ l-istakeholders u l-imsieħba soċjali waqt il-preparazzjoni ta’ liġijiet u policies, filwaqt li ssir konsultazzjoni estensiva fuq punti li joħorġu minn direttivi ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-European Business Test Panel se jkun ta’ għajnuna kbira f’dan ir-rigward.
Bħala xhieda ta’ l-impenn tal-Gvern lejn regolamentazzjoni aħjar, f’Novembru tas-sena l-oħra l-Ministeru tiegħi organizza seminar internazzjonali fuq is-suġġett. Din l-attivita’, riżultat dirett tal-parteċipazzjoni attiva ta’ Malta f’eżerċizzju ta’ ‘peer review’, intlaqgħet tajjeb ħafna u l-kummenti li ġew reġistrati kienu inkoraġġanti.
Il-prosperita’ ta’ pajjiżna fl-aħħar mill-aħħar tiddependi mis-suċċess tan-negozjanti u l-imprendituri Maltin. Għalhekk waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-Gvern hija li joħloq il-kundizzjonijiet sabiex l-intrapriża tkun tista’ tikber u sabiex is-settur pubbliku jaqdi r-rwol tiegħu bl-aktar mod effettiv. Regolamentazzjoni aħjar ser tgħin biex fit-tul tibbenefika minnha l-ekonomija Maltija, u ttejjeb l-mira tagħna li Malta ikun post attraenti biex isir negozju fih. Jiena nemmen li l-parteċipazzjoni tan-negozjanti Maltin f’inizjattiva bħall-European Business Test Panel tista’ tkun biss ta’ ġid għalihom fil-mixja tagħhom lejn kompetittivita’ akbar u aktar sostenibbli.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958