IMNIEDI KALENDARJU IEĦOR TA’ ATTIVITAJIET KULTURALI
Il-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru ta’ Kreattivita’ ġie inawgurat fis-sena 2000 biex jikkoinċidi maċ-ċelebrazzjonijiet li fakkru t-tieni millenju.
Il-Kavallier ta’ San Ġakbu – li minn makna ta’ gwerra mibnija mill-Kavallieri ta’ San Ġwann biex jiddefendi l-belt kapitali ta’ pajjiżna, nbidel f’ċentru li jappoġġja l-artisti lokali u biex jinkoraġixxi d-diversita’ kulturali – illum iservi ta’ katalist għal kull forma ta’ espressjoni.
Il-Kavalier ta’ San Ġakbu hu wkoll attrazzjoni turistika li flimkien mal-għexiren ta’ attrazzjonijiet oħra jagħmel mill-belt Valletta ċentru storiku uniku u wirt dinji.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda kalendarju ta’ attivitajiet fil-Kavalier ta’ San Ġakbu għat-tliet xhur li ġejjin. Hu qal li mill-inawgurazzjoni tiegħu l-Kavallier ta’ San Ġakbu – Ċentru ta’ Kreattivita’ kien bejta ta’ attivitajiet artistiċi u kulurali. Hu qal li f’dan iċ-Ċentru jsiru wirjiet ta’ arti viżiva, jiġu organizzati festivals ta’ films minn diversi pajjiżi, jittellgħu wirjiet teatrali, kunċerti u attivitajiet oħra bħal klassijiet tat-tpinġija, ‘watercolouring’ u mmodellar bit-tafal; u workshops teatrali f’siti ta’ wirt storiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li fil-qasam ta’ l-arti viżiva u tal-‘performing arts’ illum qed tikber is-sħubija bejn iċ-Ċentru tal-Kreattivita’, it-Teatru Manoel, iċ-Ċentru tal-Mediterran għall-Konferenzi, il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u l-Orkestra Nazzjonali. Hu qal li ċ-Ċentru tal-Kreattivita’ qed jagħti l-appoġġ tiegħu permezz ta’ inizjattivi li jieħu. Hu qal li rridu nkomplu naħdmu f’dan l-ispirtu ta’ kooperazzjioni biex insaħħu l-kultura f’pajjiżna u nxerrduha aktar fost il-poplu.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li fil-belt kapitali llum għandna ċ-Ċentru ta’ Kreattivita’, it-Teatru Manoel u ċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran li huma s-sinsla ta’ kull attivita’ kulturali f’pajjiżna. Hu qal li ma’ dawn nistgħu nżidu s-sit tat-Teatru Rjal li minn dan is-Sajf beda jintuża b’mod regolari għal attivitajiet kulturali li ġibdu lejhom eluf ta’ Maltin.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kultura kienet ukoll pilastru għat-tisħiħ ekonomiku. Hu qal li l-kultura kienet l-akbar riżorsa ta’ pajjiżna u għalhekk kien importanti li nħarsuha, nsaħħuha u nifirxuha dejjem aktar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li minn mindu t-turiżmu u l-kultura ngħaqdu taħt ministeru wieħed irnexxielna noħolqu sinerġija bejn dawn iż-żewġ setturi importanti li jkattru l-ġid fil-pajjiż.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958