TAGĦLIM TAL-MALTI LILL-ADULTI: PREŻENTAZZJONI TAS-SENSIELA TA’ KOTBA ‘SISIEN’
Id-Dipartiment ta’ l-Istudji Ogħla u l-Edukazzjoni ta’ l-adulti mexxa proġett ta’ Taħriġ Pedagoġiku għall-Edukaturi ta’ l-Adulti li kien ko-finanzjat mil-Fond Strutturali Ewropew ta’ l-Unjoni Ewropea. Dan il-proġett beda f’Ottubru 2005 u kellu jintemm f’Mejju 2006 iżda ġie estiż għal sen’oħra wara s-suċċess li nkiseb.
Il-Ministru Galea qal li proġetti bħal dawn huma eżempju mill-aqwa tad-direzzjoni li għandha tittieħed fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti. Huwa qal li dan il-proġett għandu valur kbir għaliex magħmul minn diversi ingredjenti li lkoll ikkontribwew għas-suċċess tiegħu. Permezz ta’ dan il-proġett tħarrġu 46 edukatur fil-tagħlim tal-litteriżmu bażiku lill-adulti f’żewġ seminars wieħed Malta u l-ieħor Għawdex: saru 22 kors tal-Malti bażiku li fihom ipparteċipaw 220 adult, inbniet koperazzjoni fit-tagħlim ta’ adulti bejn id-Dipartiment, Kunsilli Lokali u Kappillani, filwaqt li l-esperjenza li nkisbet matul dan il-proċess edukattiv sew dik ta’ l-edukaturi kif ukoll tal-parteċipanti adulti serviet biex tim espert seta’ jsawwar sensiela ta’ tliet manwali u materjal ieħor ta’ tagħlim li llum qed nippreżentaw. Din il-ġabra ta’ riżorsi ser tintuża u ser tiġi evalwata fil-proċess tat-tagħlim ta’ matul din is-sena.
Dan il-proġett jista’ jitqies suċċess ukoll għaliex fit-tiswir tal-manwali u l-materjal edukattiv żviluppat sinerġija fost diversi entitajiet li llkoll taw sehemhom bis-sħiħ: fost dawn wieħed jista’ jsemmi s-Sezzjoni ta’ l-Adulti tad-Dipartiment ta’ L-Istudji Ogħla u l-Edukazzjoni ta’ l-adulti, It-Tqasima tal-Litteriżmu ta’ l-Universita’ u dik tal-Komunikazzjoni, ir-Radju ta’ l-Universita’, it-Taqsima tal-Ħiliet Bażiċi ta’ l-MCAST kif ukoll il-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti.
Din is-sensiela ta' kotba u materjal ieħor issawret biex tilqa' għall-bżonnijiet ta' dawk li jaħdmu fil-qasam tat-tagħlim tal-Malti lill-adulti u ta' l-istudenti tagħhom. Fis-suq Malti jeżistu diġa' xi kotba bażiċi f'dan il-qasam, fosthom dawk tat-Taqsima tal-Litteriżmu, l-Istitut Paulo Freire u l-Fondazzjoni Ġuże' Ellul Mercer. Dawn il-kotba kienu maħsuba għal studenti adulti li jkunu għadhom qed imiddu l-ewwel passi fil-mixja ta' tagħlim il-Malti. Kien ilu jinħass il-bżonn ta' sensiela bħal din li ġiet ippreżentata illum, għax tibda mill-ewwel passi fil-mixja tat-tagħlim u twassal lill-istudenti għal ħakma tajba ta' l-ilsien. Din is-sensiela fiha materjal li jitlaq mill-esperjenzi ta' kuljum ta' l-istudenti adulti, jistedinhom jaħsbu iżjed fil-fond dwar tiġribhom, jiddiskutuh, jaqraw esperjenzi ta' ħaddieħor u jiktbu fehmiethom u l-esperjenzi tagħhom.
Sisien hija sensiela mibnija fuq l-esperjenza diretta ta' snin ta' tagħlim tal-Malti lill-adulti. Is-sensiela tippreżenta qabel xejn kurrikulu effettiv għall-adulti, imsejjes fuq l-esperjenzi ta' kuljum tagħhom. Il-ħiliet fil-lingwa - it-taħdit, is-smigħ, il-qari u l-kitba – huma marbutin flimkien. Dan il-ktieb Ngħallmu Lsienna għandu jservi ta' gwida għal min jgħallem dwar l-aspett ideoloġiku ta' din is-sensiela. Fih insibu l-metodoloġija, il-livelli ta' kompetenza, il-pjan ta' ħidma u xi pjanijiet ta' lezzjonijiet bħala eżempju. Inħaddmu Lsienna jippreżenta t-temi u joffri materjal għad-diskussjoni filwaqt li jintroduċi wkoll elementi ta' qari, taħdit, smigħ u fehim. Nitħarrġu fi Lsienna jsaħħaħ il-ħila tal-qari u jistieden lill-istudent jikteb dwar kull tema b'mod iggwidat. Dawn iż-żewġ kotba joffru lill-għalliem ħafna ideat u firxa ta' materjal li jista' jintuża ma' l-adulti. Madanakollu l-ktieb m'għandux jieħu post l-għalliem. L-għalliem, wara li jkun sar jaf aħjar lill-istudenti u l-ħiliet tagħhom, għandu jagħraf kif l-aħjar jittratta t-temi u joħloq il-materjal adattat biex jistħarriġhom ma' l-istudenti adulti tiegħu skond il-ħtiġijiet tagħhom.
Kull tema tista' tinħadem għal rasha u l-materjal ta' kull tema huwa ppreżentat b'mod gradat. L-enfasi f'Inħaddmu Lsienna hu fuq is-smigħ, it-taħdit, il-fehim u l-qari. Hawnhekk jingħata lok għal ħafna diskussjoni u prattika. Wara l-prattika, l-elementi lingwistiċi jiġu pprezentati kif imħaddma fil-ħajja ta' kuljum. Nistħarrġu fi Lsienna joffri opportunitajiet ta' iżjed qari mżewġa ma' taħriġ, kitba kreattiva u aktar riflessjoni u diskussjoni. Hemm rabta wkoll bejn it-temi nfushom. Kull tema tinbena fuq ta' qabilha. L-elementi lingwistiċi huma ppreżentati f'kuntest. Hemm ukoll opportunitaiiet sabiex xogħol li jkun diġa' nħadem jiġġedded u jiġi rrinfurzat.
Il-Ministru qal li din hija waħda minn diversi inizjattivi li qed isiru u li hemm bżonn li jkomplu jsiru fl-isforz biex Malta anki f’dan il-qasam tilħaq il-miri ta’ Lisbona biex l-ekonomija tagħna tkun waħda msejjsa fuq it-tagħlim u l-għerf. L-edukazzjoni tul il-ħajja għal kulħadd hi waħda mill-elementi ewlenin biex dan l-iskop jintlaħaq. Hu qal li fil-qasam ta’ l-edukazzjoni ta’ l-adulti, bħalma ġara fis-settur post-sekondarju u terzjarju, kien hawn tkabbir sostanzjali f’dawn l-aħħar snin kemm f’korsijiet offruti mill-Gvern kif ukoll mill-Privat. Id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni kienet toffri korsijiet għal madwar 3,900 persuna, fl-2005 aktar minn 7,800 kienu qed jattendu.
L-aħħar statistika maħruġa mill-NSO turi li fl-2004 kien hawn mal-15,437 persuna qed isegwu xi kors. Il-Ministru Galea qal li l-istatistika u anke is-sentiment ġenerali juru li l-Maltin qed jifhmu l-bżonn tat-taħriġ tul il-ħajja u ħolqu domanda daqstant kbira li s-settur privat ukoll qed jikber b’mod sostanzjali. Hu tenna li l-isfida għall-Gvern hi kif se jkompli jtejjeb il-kwalità tat-taħriġ li joffri filwaqt li jipprovdi taħriġ għal dawk kollha li jeħtieġuh jew iriduh. Hu temm jgħid li l-Gvern irid jipprovdi edukazzjoni għal kulħadd u f’kull livell u partikolarment edukazzjoni bażika u l-litteriżmu. “Hu f’dan l-isfond li l-għodod li żviluppajna bl-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea huma ta’ importanza kbira għal pajjiżna. Biex l-investiment qawwi li qed jiġbed lejh pajjiżna jittraduċi ruħhu f’ġid għal kulħadd irridu nkomplu nipprovdu opportunitajiet ta’ taħriġ anke għall-adulti f’diversi livelli u partikolarment biex dawk li għandhom problemi bl-illitteriżmu jgħelbu din il-problema u jagħmlu l-ewwel pass f’mixja edukattiva tul il-ħajja.”
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958