Left arrow Go Back

JINGĦATA L-PREMJU ANZJAN TAS-SENA 2006

PR1364
Date Icon 07/10/2006

Is-serata ta’ premjazzjoni ta’ l-Anzjan tas-Sena 2006 saret is-Sibt 7 ta’ Ottubru fit-Teatru ta’ San Vincenz De Paul, taħt il-patroċinju ta’ l-E.T. il-President ta’ Malta, Dott. Edward Fenech Adami. Preżenti għal din is-serata kien hemm il-Prim Ministru  l-Onor. Dott. Lawrence Gonzi, l-Onor. Louis Deguara, Ministru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’ u l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’.   

Dan il-premju jingħata lil dak l-anzjan jew anzjana, jew koppja, li jkunu taw servizz b’mod volontarju ma’ min ikun jenħtieg,

·        li bil-karattru tagħhom kienu ta’ ispirazzjoni għal anzjani oħra,

·        li jkunu responsabbli lejn u sedqu l-ambjent tal-anzjani,

·        kif ukoll ikunu żviluppaw kemm il-kultura ġenerali, kif ukoll personali,

·        jaħdmu biex ma jintilifx wirt missirijietna,

·        jippromovu s-solidarjeta’ bejn il-ġenerazzjonijiet.   

Jiġifieri li jgħixu ħajja li tikkontribwixxi għal ħajja aħjar tal-komunita’. Din is-sena kien hemm 24-il anzjan nominat għal dan il-premju: 13-il ragel, 9 nisa u koppja, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-63 sena u d-90 sena. Minn fost dawk nominati, il-Bord għazel lil Ġorg u Doris Gafa’.  

Fir-rapport tagħha, c-Chairperson tal-Bord, s-Sinjura Cecilia Xuereb qalet li l-Bord ta’ l-għażla ra fil-koppja Gafa’ eżempju ta’ kif għandha tkun il-familja Maltija – eżempju ta’ għaqda u ħidma flimkien li għaniet mhux biss lill-familja tagħhom iżda lill-komunita’ ta’ madwarhom u lis-soċjeta’ in ġenerali.

“Ġorg u Doris huma koppja li kienu jafu jdawru esperjenza xejn sabiħa li laqtithom fl-ewwel żminijiet tal-ħajja miżżewwġa tagħhom f’hidma siewja mhux biss għall-familja tagħhom, iżda għall-komunita’ in ġenerali.  Fi żmien meta s-servizzi ghall-persuni bi bżonnijiet speċjali kienu ftit jew, xejn huma ħadmu biex joħolqu strutturi l-ewwel fi sfera parrokkjali, iżda imbagħad ukoll f’qasam aktar wiesgħa.  Flok ma kissritha, kif jista’ jiġri f’okkażjonijiet simili, l-esperjenza tagħhom saħħet l-għaqda fil-familja tagħhom u ħadmu u stinkaw, u għadhom jaħdmu u jistinkaw,  dejjem flimkien. 

Anqas ma llimitaw l-ħidma tagħhom għal dak il-qasam li kien jolqot lilhom personali biss, iżda ferrxuha  f’oqsma oħra – fil-Kunsill Pastorali, fil-Ladies Circle u fil-Kunsill Lokali,” qalet is-Sinjura Xuereb.   

Minn naħa tiegħu, il-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunità, Dr. Louis Deguara beda biex feraħ lir-rebbieħ/rebbieħa tal-premju Anzjan tas-Sena tal-ħidma li din il-persuna wettqet għall-ġid tas-soċjeta.  Il-Ministru żied li l-jiem tas-sena kollha għandhom ikunu premjazzjoni kontinwa ta’ bosta anzjani li bil-ħidma u l-eżempju tagħhom jibqghu jagħtu kontribut lis-soċjetà.  Hu xtaq isellem lil bosta anzjani oħra li  matul ħajjithom wettqu u għadhom iwettqu ħidma li mhux dejjem toħroġ fil-beraħ u allura huwa diffiċli ferm li ħidmiethom tiġi rikonoxxuta pubblikament.

Huwa xtaq ifakkar li minn statistika li riċentement ħareġ l-Uffiċju Nazzjonali  ta’ l-Istatistika jirriżulta li 17,000 anzjani huma attivi f’għaqdiet non-governattivi impenjati f’ħidma ta’ volontarjat. Dan huwa persentaġġ għoli ħafna ta’ anzjani li jagħżlu li mhux biss jibqgħu attivi fl-anzjanità tagħhom imma jiddedikaw ħinhom u l-enerġija għall-ħaddieħor. Hawn tidher il-qalb kbira u s-sens ta’ altruiżmu ta’ eluf ta’ anzjani.   

Filwaqt li l-Ministru f’isem il-poplu  irringrazzja lill-anzjani kollha għamel appell biex b’mod partikulari l-ulied jibqgħu jirrispettaw u jindukraw lill-ġenituri, ikunu f’liema stat ikunu.

F'isem il-gvern il-Ministru Deguara wiegħed hidma biex l-anzjani jingħataw  l-opportunitajiet u l-għodda biex jgħixu l-anzjanità tagħhom b'mod sħiħ. 

Hu awgura lill-anzjani kollha saħħa u ħajja mimlija b'dak kollu li jagħmilhom kuntenti. 

L-Onor Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ tkellmet dwar l-irwol importanti li l-anzjani għandhom fil-familja: “ħafna drabi ninsew kemm l-anzjani, minkejja li spiss ma jibqgħux jgħixu taħt l-istess saqaf mal-bqija tal-familja, għandhom rwol importanti fil-ħajja familjari. Biżżejjed niftakru fl-użanza komuni fost il-familji Maltin u Għawdxin, li nhar ta’ Ħadd jiltaqgħu kollha għand ‘in-nanniet’, biex nindunaw kemm hija fundamentali l-preżenza ta’ l-anzjani biex tisseddaq l-għaqda fil-familja. Barra minn hekk, irridu napprezzaw ukoll ir-rwol attiv li, minħabba l-pressjonijiet tal-ħajja moderna, ħafna anzjani qed jieħdu fit-trobbija tal-ġenerazzjoni l-ġdida.”  

Hija kompliet tgħid li :”Is-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet ma tiġix prattikata biss mill-familji iżda hija wkoll wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-ħidma soċjali tal-komunitajiet u ta’ l-istat. Hawnhekk ma rridux naħsbu biss f’ dawk il-ħafna servizzi ta’ assistenza għall-anzjani li l-gvern qed jipprovdi bis-saħħa ta’ l-impenn ta’ ħafna minnkom hawn preżenti. Fl-okkażjoni tal-lum, hemm bżonn li l-attenzjoni tagħna ma tibqax iffukata biss fuq dawn is-servizzi li l-anzjani qed jirċievu iżda tiċċaqlaq biex tiskopri aħjar dawk il-ħafna servizzi li bosta anzjani qegħdin jagħtu b’ mod volontarju u b’sens kbir ta’ solidarjetà għall-ġid tal-komunità.”  

“L-anzjani jistħoqqilhom ammirazzjoni u ħajr tax-xogħol li qegħdin jagħmlu biex titħares l-għaqda soċjali f’pajjiżna, u għandhom jibqgħu jiġu meqjusa bħala riżorsa prezzjuża għal pajjiżna. Il-gvern huwa mpenjat bis-sħiħ biex isostni b’ mod prattiku lil anzjani fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum u dan bir-rispett u d-dinjità li tixirqilhom” temmet tgħid l-Onor D’Amato.   

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow