Left arrow Go Back

INAWGURATI 11-IL JUM TA’ DIVERTIMENT KULTURALI

PR1349
Date Icon 05/10/2006

Il-Festival tal-iBliet Storiċi ta’ Malta mhux biss daħal fil-kalendarju ta’ attivitajiet organizzati mill-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorita’ għat-Turiżmu ta’ Malta, iżda sar l-attivita’ ewlenija għax-xahar ta’ Ottubru li tiġbed lejha sew Maltin kif ukoll turisti.

Il-ħdax-il jum ta’ divertiment kulturali, din is-sena jinkludu

o       Is-Sibt 7 ta’ Ottubru – Il-Birgu għad-Dawl tax-Xemgħa – ‘Il-Karnival fi żmien il-Kavallieri’;

o       Il-Ħadd 8 ta’ Ottubru – Mdina Re-enactment – Il-Wasla tar-Re Ruġġieru  II fl-Imdina (1127);

o       Il-Ħadd 15 ta’ Ottubru – Valletta Re-enactment – It-tqegħid ta’ l-Ewwel Ġebla tal-belt Valletta (1566);

o       Il-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd 13, 14 u 15 ta’ Ottubru – The Malta Military Tattoo 2006.

Il-Festival tal-iBliet Storiċi ta’ din  is-sena jinkludi animazzjoni medjevali; żjarat  gwidati mill-Fondazzjoni Wirt Artna lill-Forti Sant’Anġlu bil-lejl; divertiment mużikali; u teatru.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta nieda uffiċjalment il-Festival tal-Bliet Storiċi ta’ Malta 2006 f’Misraħ is-Sur fl-Imdina, qal li l-bliet storiċi ta’ Malta kienu jirrappreżentaw l-istorja ta’ pajjiżna għaliex kien minn dawn l-ibliet li l-pajjiż kien jiġi amministrat, kien f’dawn l-ibliet li kienu joqgħodu l-mexxejja ċivili u reliġjużi tal-pajjiż u kien f’dawn l-ibliet li kienu jinġabru l-Maltin biex jiskennu minn xi attakk tal-għadu.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li barra minhekk l-Imdina u l-Birgu kienu l-benniena ta’ l-istorja ta’ pajjiżna, bl-Imdina l-kapitali nterna tal-pajjiż u l-Birgu bil-fortifikazzjoni tal-Forti Sant’Anġlu, il-belt navali li kienet tieħu ħsieb il-kummerċ u d-difiża tal-pajjiż.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li meta nfakkru x’kien iseħħ f’dawn l-ibliet b’re-enactments u pagaents, inkunu qegħdin immorru lura fl-istorja ta’ artna u naraw kif kienu jgħixu u minn xiex għaddew missirijietna.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan il-Festival hu popolari sew mal-Maltin kif ukoll mat-turisti. Hu qal li l-istorja hi niċċa mportanti tas-suq turistiku ta’ pajjiżna. Hu fakkar li fi żmien meta l-kompetizzjoni fil-qasam turistiku hi kbira, ridna mmorru għal niċeċ li permezz tagħhom stajna nikkompetu u li waħda minn dawn in-niċeċ hi l-istorja millenarja tagħna li tmur lura 7,000 sena.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li biż-żmien, il-Maltin bdew jibnu l-ibliet fortifikati tagħhom. Hu qal li bdew bl-Imdina u l-Birgu. Fakkar li fl-era tal-Kavallieri ta’ San Ġwann inbniet il-belt Valletta bil-fortifikazzjonijiet impressjonanti li jdawwruha. It-tliet ibliet tal-Birgu, l-Isla u Bormla ġew fortifikati u nbena sur madwarhom, il-Cottonera lines. Hu qal li f’Għawdex hemm iċ-Ċitadella, li kienet il-fortizza li jfittxu l-Għawdxin f’każ ta’ invażjoni.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-awgurju tiegħu kien li dawn il-festivals ikomplu jikbru għaliex kien jemmen li dawn iwasslu biex il-poplu jsir aktar konxju mill-għeruq tiegħu u li permezz tagħhom aktar barranin jżuru Malta fix-xhur ta’ barra s-sajf.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow