Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-MINISTRU TA’ L-EDUKAZZJONI FIL-JUM DINJI TA’ L-GĦALLIEMA

PR1348
Date Icon 05/10/2006

Il-Gvern, u l-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni in partikolari, irridu nimmarkaw dan il-Jum Dinji ta’ l-Għalliema billi f’isem il-poplu Malti u Għawdxi nfissru l-apprezzament u l-gratitudni għall-vokazzjoni fejjieda li jwettqu l-għalliema Maltin u Għawdxin ma’ ulied il-poplu kollu. L-istorja turi li s-soċjetà Maltija imxiet ’l quddiem għax tul l-aħħar seklu għarfet tagħti importanza lill-edukazzjoni u qed tkompli taħdem għal edukazzjoni ta’ kwalità għal kulhadd biex uliedna jirnexxu lkoll.

Aħna nafu li l-vokazzjoni u l-professjoni ta’ l-għalliema u tal-professjonijiet l-oħra fil-qasam ta’ l-edukazzjoni huma ta’ l-ogħla valur. Kull min jagħżel li jidħol f’dan il-qasam ma jkunx qed sempliċiment jagħmel għażla ta’ impjieg iżda għażla ta’ impenn f’waħda mill-isbaħ missjonijiet li tista’ sseddaq lil bniedem – l-iżvilupp ta’ l-intelliġenza, l-ħiliet u t-talenti tat-tfal u ż-żgħażagħ. Għalhekk minn qalbna nirringrazzjaw lil dawk kollha li jagħmlu din l-għażla u qed iwettquha b’mod effettiv fiċ-ċentri tal-ħarsien tat-tfal u kindergartens, fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti, fl-MCAST, ITS u Università u istituzzjonijiet oħra privati ta’ tagħlim.

Il-professjoni ta’ l-għalliema u l-professjonijiet li għandhom x’jaqsmu magħhom jinħtieġu preparazzjoni u taħriġ akkademiku inizjali u kontinwu ta’ l-aqwa kwalità. Hu għalhekk li aħna napprezzaw il-ħidma li qed iwettqu d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Università, b’mod partikolari l-Fakolta` ta’ l-Edukazzjoni. Napprezzaw ukoll il-ħidma ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk Indipendenti għall-kontribut qawwi li jagħtu fit-taħriġ ta’ l-għalliema. 

Inħeġġu l-familji u l-ġenituri li dejjem jibqgħu japprezzaw dak kollu li jsir mill-għalliema fl-iskejjel tagħna.  Huma dawn l-għalliema, li jaħdmu b’dedikazzjoni u professjonalita, li qed jagħtu servizz lil uliedna u jtejjbu l-possibiltajiet tagħhom għall-futur hieni mimli suċċess.  Inħeġġu wkoll lill-istudenti kollha li japprezzaw b’turija ta’ rispett sħiħ l-impenn ta’ l-għalliema tagħhom biex dejjem jgħinnuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom.

Irridu wkoll infissru l-apprezzament tagħna għall-ħidma tal-unjons f’dan il-qasam, b’mod partikolari l-ħidma tal-Malta Union of Teachers, l-MUT, li fiha l-għalliema sabu rappreżentanta denja mhux biss tad-drittijiet tagħhom iżda wkoll interlokutur effettiv ma’ kull min għandu sehem fit-tmexxija tal-qasam edukattiv, b’mod partikolari l-Gvern u l-Ministeru u d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.

Il-Gvern iqis it-tagħlim, l-edukazzjoni u r-riċerka bħala l-aqwa arma kontra l-faqar, l-inġustizzji u preġudizzji u favur is-sliem, il-ġustizzja u s-sigurtà f’kull soċjetà u fid-dinja.

Hu għalhekk li l-Gvern jinsab impenjat li bil-fatti jagħti l-ogħla priorità lill-edukazzjoni. Il-liġi l-ġdida li l-Gvern għadu kif għadda mill-Parlament ser tagħti lill-pajjiż għodda moderna u aktar effettiva għat-tmexxija tas-sistema edukattiva u ta’ l-iskejjel f’pajjiżna, inkluż il-Kunsill tal-Professjoni ta’ l-Għalliema. Issa jmiss li tiġi aġġornata l-liġi għal dak li jirrigwarda l-livell ta’ edukazjoni avvanzata u ogħla. Il-Gvern irid li jissaħħah fl-Università, l-MCAST u fid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni l-proċess li direttament u ndirettament qed iħejji u jżomm aġġornati lill-għalliema tal-lum u ta’ għada. Huwa mir-riżultati ta’ dan il-proċess li jiddependi l-kwalità ta’ l-għalliema tagħna li għandha mpatt enormi fuq il-kwalità u r-riżultati ta’ l-edukazzjoni f’pajjiżna.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow