STQARRIJA MILL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U INTERN B’RISPOSTA GĦALL-KONFERENZA STAMPA LI GĦAMEL IL-KAP TA’ L-OPPOŻIZZJONI
B’risposta għall-konferenza stampa tal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-Onor. Alfred Sant, dwar l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL), għandu jingħad li:
1. Id-delegazzjoni tal-AKL għall-CLARE (il-grupp fil-kunsill ta’ l-Ewropa li jiġbor ir-reġjuni u l-Kunsilli Lokali) minn dejjem kienet nominata mill-Gvern Ċentrali. Iżda, kif jiġri fil-każ ta’ l-istess delegazzjoni għal-Kumitat tar-Reġjuni ta’ l-Unjoni Ewropea, dana jsir skond is-saħħa u r-rappreżentanza politika fl-Eżekuttiv tal-AKL, u fuq rakkomandazzjoni tal-istess AKL. Barra minn hekk, irid ikun hemm rappreżentanza adegwata femminili. Fis-snin imgħoddija, l-Kumitat Eżekuttiv ta’ 6 kien awtomatikament fil-prattika parti mid-delegazzjoni; peress li hemm ċans li l-eżekuttiv ikun kompost minn 7, dana mhux aktar possibli. M’hemm xejn ħazin li d-delegazzjoni tkun komposta minn membri fl-ezekuttiv jew barra minnu; iżda l-Gvern Ċentrali għadu kommess kif dejjem kien, li jirrispetta deċiżjoni tal-AKL.
2. L-elezzjoni tal-AKL kienet posposta għal żmien twil bi qbil bejn iż-żewġ partiti waqt li kienu għaddejjin diskussjonijiet dwar il-liġi kollha tal-Kunsill Lokali, inkluża l-AKL; tant dan hu minnu li l-Oppożizzjoni qatt ma pprotestat dwar dan l-istat ta’ fatt.
3. Meta l-Oppożizzjoni, wara l-elezzjonijiet ta’ Marzu 2006, iddikjarat li min għandu maġġoranza ta’ kunsilliera, għandu jkollu maġġoranza ta’ l-Eżekuttiv, il-Viċi Prim Ministru iddikjara li jaqbel ma’ dan; u f’April 2006 ippreżenta abbozz lill-Oppożizzjoni. L-Oppożizzjoni wieġbet bil-miktub dwar din il-proposta f’Awissu fl-2006 u l-bdil fis-sistema ta’ l-elezzjoni ta’ l-AKL biex jiġi garantit li l-maġġoranza fl-Eżekuttiv tagħha, tirrifletti l-maġġoranza fost il-kunsillieri, ġie ppublikat f’regolamenti fil-5 ta’ Settembru 2006 u l-elezzjonijiet iffissati għas-7 t’Ottubru 2006.
Dana juri li l-Gvern għal darb’oħra mexa b’għaqal u f’korrettezza f’din il-kwistjoni wkoll.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958