IL-GVERN INIEDI ABBOZZ TA’ DOKUMENT GĦALL-GREEN PUBLIC PROCUREMENT
Il-Gvern nieda abbozz ta’ pjan ta’ azzjoni għax-xiri pubbliku li jkun favur l-ambjent (green public procurement). Id-dokument jagħti messaġġ ċar tad-direzzjoni li jrid jieħu s-settur pubbliku biex iħares l-ambjent fl-operat tiegħu.
Għal dan il-pjan ta’ azzjoni twaqqaf grupp ta’ ħidma, magħmul mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Ministeru tal-Finanzi, l-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Malta Standards Authority, biex ifassal kif mill-2007 ’l quddiem is-settur pubbliku jibda jdaħħal b’mod gradwali l-kunċett ta’ xiri favur l-ambjent (green procurement) b’mod partikolari tal-prodotti u s-servizzi li l-aktar jintużaw, bħat-trasport, prodotti għat-tindif, l-użu ta’ l-elettriku, it-teknoloġija ta’ l-informatika, ikel u karta.
Biex dan il-pjan jiġi implimentat, id-Dipartiment tal-Kuntratti se jwaqqaf taqsima li tipprovdi t-taħrig neċessarju lil kull uffiċjal responsabbli mit-tenders fid-dipartimenti tal-Gvern biex jiġi ggarantit li l-kuxjenza ambjentali fix-xiri ta’ prodotti jew servizzi tkun inkorporata fl-offerti u dawk milqugħa jiġu evalwati skond dawn l-istess kriterji.
Id-dettalji dwar il-pjan ta’ azzjoni għax-xiri pubbliku favur l-ambjent ingħataw mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino u s-Segretarju Parlamentari għall-Finanzi Tonio Fenech, fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Prinċipali u s-Segretarji Permanenti taż-żewġ ministeri.
Skond studju ta' l-Unjoni Ewropea, ix-xiri minn entitajiet governattivi fl-Unjoni jlaħħaq għal madwar 1,500 miljun ewro fis-sena, li jfisser madwar 16 fil-mija tal-prodott gross domestiku ta' l-Unjoni.
Is-settur pubbliku huwa l-akbar konsumatur lokali ta’ prodotti u servizzi bin-nefqa, matul is-sena li għaddiet, tlaħħaq għal kważi Lm50 miljun. In-numru ta’ entitajiet li jissuplixxu lill-Gvern ilaħħaq għal madwar 208.
Għaldaqstant, is-settur pubbliku għandu r-responsabbiltà li meta jiġi biex jixtri prodotti jew servizzi jara x’effett iħallu fuq l-ambjent meta jiġu mmanifatturati jew użati.
Ix-xiri favur l-ambjent ifisser ukoll li min ikun qed jixtri jkun qed jagħti eżempju u jinfluenza s-suq. Billi jħeġġu l-akkwist favur l-ambjent, l-awtoritajiet pubblici jistgħu joffru inċentivi veri lill-industrija biex tiżviluppa t-teknoloġija favur l-ambjent. L-impatt fuq ċerti prodotti, xogħlijiet u servizzi jista’ jkun partikolarment sinifikanti, billi x-xerrejja pubbliċi għandhom parti kbira mis-suq.
L-abbozz qed jiġi ppublikat għall-kummenti tal-pubbliku li għandhom jintbagħtu lid-Direttur Ġenerali tal-Kuntratti, il-Furjana sal-15 ta’ Novembru f’nofs in-nhar.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958