ĦADDIEM TAS-SENA FL -ISPTAR ZAMMIT CLAPP
Is-serata ta’ premjazzjoni tal-Ħaddiem tas-Sena ta’ l-Isptar Zammit Clapp 2006 saret nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Settembru 2006 fil-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita’, taħt il-patroċinju ta’ l-Onor. Helen D’Amato, Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’.
Minn fost il-ħames persuni nominati, il-kumitat ta’ l-għażla mmexxi mis-Sinjura Ninette Borg Grech, għażel lil Anthony Scerri bħala l-Ħaddiem tas-Sena.
Anthony Scerri iggradwa bħala nurse f’l-1997 u beda jaħdem fl-isptar Zammit Clapp f’Settembru ta’ l-istess sena.
Fid-diskors tagħha l-Onor. Helen D’Amato, faħħret lis-Sur Scerri kif ukoll lil erba’ persuni nominati l-oħra, u qalet li wieħed mis-sigrieti wara dan l-isptar jinsab fil-professjonalità teknika kif ukoll umana tal-ħaddiema tiegħu.
Hija kompliet tgħid li t-twaqqif ta' l-isptar Zammit Clapp fl-1991 kien espressjoni ċara ta' politika ġdida fil-qasam ta' l-anzjani, politika li biha bdiet tingħata attenzjoni speċifika u diretta lill-anzjani, u li wasslet biex jitniedu bosta servizzi ta' assistenza fil-komunità.
Hija ddefiniet dan l-isptar bħal wieħed innovattiv, kemm minħabba t-tip ta' servizz li joffri kif ukoll minħabba l-mod awtonomu li bih jitmexxa. Dan, kompliet tgħid is-Sinjura D’Amato, jfisser li l-gvern ċeda r-riedni tat-tmexxija ta' l-istruttura f'idejn amministrazzjoni indipendenti u żamm biss rwol ta' finanzjatur.
L-Onor. D’Amato qalet li “ħmistax il-sena wara t-twaqqif ta' dan l-isptar, m’hemm ebda dubbju li l-esperiment li kien għamel il-gvern Nazzjonalista ta' dak iż-żmien irnexxa fiż-żewg aspetti tiegħu.”
Tant hu hekk li llum, il-bżonn għal dan it-tip ta' servizz kiber minħabba ż-żieda kontinwa fin-numru ta' anzjani. L-Onor. D’Amato qalet li sa l-aħħar tas-sena 2005 in-numru ta’ anzjani f’Malta li għalqu is-sittin sena laħaq 76,000, jiġifieri 19% tal-popolazzjoni. Hija kompliet tgħid li meta wieħed jikkompara l-proporzjon ta’ anzjani f’Malta mal-kumplament tad-dinja jsib li f’Malta hawn anzjan għal kull ħames persuni (1:5) filwaqt li l-medja ta’ anzjani fid-dinja qegħda għal anzjan għal kull għaxra (1:10), u hu biss fis-sena 2050 li din ser tilħaq lir-rata Maltija tal-lum. Dan juri biċ-ċar il-progress li seħħ f’pajjiżna fl-oqsma soċjali, tas-saħħa, ekonomiċi kif ukoll edukattivi.
L-Onor D’Amato kompliet tgħid li meta wieħed jikkonsidra ż-żieda fin-numru ta’ anzjani, jinduna li wasal iż-żmien li jittieħdu l-passi neċessarji biex titwettaq politika ta' saħħa, riabilitazzjoni u kura fit-tul imfassla fuq il-mudell ta' Żammit Clapp.
Minħabba f’dan, “il-pjan tal-gvern hu li fiż-żmien relattivament qasir jinbena ċentru ta’ riabilitazzjoni ġdid fl-arja ta’ San Vincenz li ser jakkomoda 280 pazjent, u dan minħabba l-fatt li Zammit Clapp qed isir żgħir għall-bżonnijiet tal-lum”.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958