JITFAKKAR PIJUNIER TAT-TURIŻMU F’PAJJIŻNA
Fi Triq San Pawl, f’tarf Triq Parades, San Pawl il-Baħar, twaqqaf monument f’ġieħ Mose’ Fenech. Il-monument ġie inawgurat minn Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u Kultura li fisser lil Mose’ Fenech bħala pijunier fit-turiżmu, bniedem b’viżjoni ċara f’dan il-qasam, li kienet riflessa bil-ftuħ ta’ numru ta’ lukandi f’Malta.
Mose’ Fenech beda l-ħidma fil-qasam ta’ l-ospitalita’ f’lukanda f’San Pawl il-Baħar u wara fil-kċina ta’ l-Ammiraljat f’Kastilja. Fi żmien il-gwerra, flimkien ma’ oħtu, mexxa l-‘Winter Gardens’ fix-Xemxija. Lejn l-aħħar tas-snin erbgħin beda jibni l-lukanda ‘Côte ‘Or’ li nfetħet fl-1953 b’bar, ristorant u sitt kmamar tas-sodda. Sal-1959 żied 22 kamra oħra. Wara beda l-proġett tal-lukanda Golden Sands li kellha 118-il kamra. Din bdiet topera fl-1964. Din il-lukanda baqgħet tiżviluppa għal 312 il-kamra u sala tal-konferenzi.
Fil-bidu ta’ l-1969, Mose Fenech xtara l-Paradise Bay Hotel b’34 kamra u fl-1972 beda jibni The New Paradise Bay Hotel b’182 kamra tas-sodda. Fl-1980 xtara dik li kellha tkun il-President Hotel f’Ta’ Xbiex, li huwa semma ‘Hotel Les Lapins’ li nfetħet fl-1987.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Mose’ Fenech kien wieħed minn dawk il-Maltin li kkontribwixxa ħafna biex l-ekonomija ta’ pajjiżna – li sa l-akkwist ta’ l-Indipendenza kienet tiddependi għal kollox fuq in-nefqa tas-servizzi Militari Ingliżi – tiġi ristrutturata u tinbena mill-ġdid fuq l-oqsma tat-turiżmu u l-industrija.
Francis Zammit Dimech qal li ma kenitx b’kumbinazzjoni li l-inawgurazzjoni tal-monument lil Mose’ Fenech kien qed jiġi inawgurat fil-Jum Dinji tat-Turiżmu. Hu qal li dan kien qed isir għaliex Mose’ Fenech għex ħajtu għat-turiżmu u kien għalhekk xieraq li anke l-inawgurazzjoni tal-monument tiegħu ikun sinonimu ma’ dan il-Jum.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li sal-1964 ftit kienu l-lukandi f’pajjiżna. Hu qal li bis-saħħa ta’ l-Aid to Industries Act, il-Gvern ta’ dak iż-żmien ta għajnuna biex jinbnew lukandi ġodda u biex jiġu ristrutturati u modernizzati lukandi eżistenti. Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan wassal biex in-numru ta’ lukandi f’pajjiżna kiber ħafna, tant li l-magażin Svediz ‘Traktoren’ ta’ Ottubru 1970, f’artiklu illustrat dwar Malta, fisser lil Malta bħala “Il-Gżira tal-100 Lukanda”.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li dawk kienu s-snin li fihom tqiegħdu l-pedamenti tas-settur turistiku li baqa’ jikber biex illum jagħmel kwart ta’ l-ekonomija nazzjonali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kutura qal li Mose’ Fenech ħadem biex pajjiżna seta’ kiseb suċċess fil-qasam turistiku, iżda fil-ħidma tiegħu ma nesiex lil dawk li kienu fil-bżonn u hu għalhekk li minbarra li kien pijunier tat-turiżmu f’Malta kien ukoll bniedem filantropiku li għen f’dak kollu li kellu x’jaqsam ma’ San Pawl il-Baħar.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li Maltin bħal Mose’ Fenech kien ħaqqhom jitfakkru għaliex kienet bil-ħidma u s-sagrifiċċji tagħhom li pajjiżna seta’ jkompli jiżviluppa s-settur turistiku, wieħed mill-pilastri ewlenin ta’ l-ekonomija.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958