Left arrow Go Back

MESSAĠĠ MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU U KULTURA L-ONOR. FRANCIS ZAMMIT DIMECH FL-OKKAŻJONI TAL-JUM DINJI TAT-TURIŻMU: IT-TURIŻMU JNISSEL IL-ĠID

PR1299
Date Icon 27/09/2006

Il-Jum Dinji tat-Turiżmu jiġi mfakkar kull sena fis-27 ta’ Settembru biex jaħbat ma’ l-anniversarju ta’ l-addattazzjoni ta’ l-Istatut ta’ l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu fl-1970. 

It-turiżmu u l-ivvjaġġar huma llum l-aktar industrja li qed tiżviluppa fid-dinja.

Għal din is-sena l-Assemblea Ġenerali ta’ l-Organizzazzjoni Dinija tat-Turiżmu ddeċidiet li t-tema tal-Jum Dinji tat-Turiżmu ta’ din is-sena tkun “It-turiżmu jnissel il-ġid”. It-turiżmu huwa ta’ ġid mhux biss mil-lat ekonomiku iżda wkoll mil-lat ta’ l-ambjent, il-kultura u r-relazzjonijiet umani. 

It-turiżmu jibqa’ għal Malta settur ekonomiku importanti li minnu jiddependi kwart tal-ġid nazzjonali u madwar terz ta’ l-impjiegi. It-turiżmu hu ukoll settur dinamiku fejn jekk ma naġġornawx rwieħna ma’ l-iżviluppi li jkunu qed jitwettqu fir-reġjun ta’ l-Ewropa, tal-Mediterran u fid-dinja ma’ nibqgħux kompetittivi. Għalhekk il-Gvern, flimkien mas-settur privat, jagħmel ħiltu biex jgħolli l-kwalità tal-prodott, biex it-turist jingħata valur għall-flusu, biex nibqgħu kompetittivi u biex ikun hemm il-mezzi ta’ trasport ħalli l-viżitaturi jkunu jistgħu jiġu f’pajjiżna. 

Meta nitkellmu dwar it-turiżmu għandna ħabta nibbażaw kollox fuq ċifri ta’ turisti, dħul u impjiegi. Mhux għax dawn m’humiex importanti biex inqabblu riżultati magħna nfusna u ma’ oħrajn iżda daqshekk ieħor importanti huma l-isforzi li qed nagħmlu biex intejjbu l-prodott li noffru biex hekk inkunu nistgħu nattiraw lejn pajjiżna turisti li jonfqu aktar u li jkollhom il-valur miżjud ogħla.  Hekk flok nibqgħu nimmiraw għall-kwantità nibdew niffukaw ukoll fuq dak li jħalli t-turist. Hu ukoll f’dan l-isfond li l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta minn żmien għal żmien torganizza avvenimenti bħal Kompetizzjoni Internazzjonali tal-Logħob tan-Nar; il-Festival Internazzjonali tal-Korijiet; il-Festival Mediterranju ta’ l-Ikel u l-Festival tal-Bliet Storiċi. Dawn l-avvenimenti huma supplimentati minn oħrajn li jorganizza l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u l-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti kif ukoll minn għadd ta’ manifestazzjonijiet tal-massa li qed ikunu organizzati kull sena mis-settur privat. 

Matul l-aħħar sentejn  l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta ġiet ristrutturata. Permezz ta’ din ir-ristrutturazzjoni iffrankajna mijiet ta’ eluf ta’ liri mill-amministrazzjoni li setgħu jmorru għall-promozzjoni ta’ Malta. Fl-2004 l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta nefqet Lm5.1 miljun, jew 56 fil-mija tan-nefqa kollha tagħha fil-promozzjoni. Wara r-ristrutturar din iċ-ċifra telgħet għal Lm5.5 miljun, jew 59 fil-mija tan-nefqa kollha. Din is-sena n-nefqa għall-promozzjoni ta’ Malta mistennija titla’ għal Lm6.3 miljun jew 63 fil-mija tan-nefqa kollha tal-MTA. 

L-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta bdiet ukoll taddotta politika orjentata lejn niċeċ partikolari bl-iskop li ssaħħaħ il-qagħda ta’ pajjiżna u s-sehem mis-suq internazzjonali tat-turiżmu. Il-MTA tinstab għaddejja wkoll minn eżerċizzju bl-iskop li pajjiżna jkollu t-tikketta ta’ esperjenza turistika u mhux aktar sempliċiment destinazzjoni. F’dan l-eżerċizzju kulħadd irid jagħti sehemu għaliex aħna nemmnu li t-turiżmu hu ta’ kulħadd, minnu jiekol kulħadd u għalhekk kulħadd irid jagħti sehmu biex jimxi ’l quddiem. 

l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta dan l-aħħar ippubblikat it-Tielet Pjan Strateġiku tagħha li jsegwi ż-żewġ pjani ta’ qabel. Fl-istess jum li ġie ppubblikat it-Tielet Pjan Strateġiku tal-MTA ħabbart li kien tlesta abbozz għall-Politika tat-Turiżmu tal-Gvern.  

Dan kollu ser jikkontribwixxi biex intejjbu l-prodott li qed joffri pajjiżna. Iżda l-Gvern ma qagħdx jistenna la t-Tielet Pjan Strateġiku u anqas il-Politika dwar it-Turżimu biex itejjeb il-prodott. Il-Gvern qed jiżviluppa kontinwament l-infrastruttura. Diġà twettqu proġetti kbar biex għanda provista u distribuzzjoni tajba tad-dawl u l-ilma; biex għandna sistema moderna ta’ telekomunikazzjoni; biex għandna Air Terminal modern. Bħalissa l-Gvern qed jikkonċentra fuq it-toroq u fuq il-portijiet ta’ l-Imġarr f’Għawdex u ċ-Ċirkewwa f’Malta wara li ftit tas-snin ilu nbnew tliet vapuri ġodda għas-servizz bejn iż-żewġ gżejjer. 

Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fl-ambjent ta’ pajjiżna – f’arja tajba, ilma tajjeb għax-xorb, ġbir u disponiment ta’ l-iskart. Il-Gvern qed iwettaq proġetti għat-tisbiħ tal-promenades u l-bajjiet tagħna. Wara li sebbaħ il-promenades ta’ Tas-Sliema u San Ġiljan, Marsascala, Marsaxlokk u Birżebbuġa; is-sena l-oħra l-Gvern sebbaħ il-bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u din is-sena bena l-perched beachf’Buġibba fejn roqgħa kbira ta’ blat inbnilha ħajt madwarha tal-konkos u l-akrilika biex jaqbel mal-bqija ta’ l-ambjent u fil-banju kbir li nħoloq tferrex ramel biex illum għandna l-ewwel ramla fuq il-blat li qatt inbniet f’pajjiżna. 

Il-Gvern qed jinvesti bis-sħiħ fit-tisbiħ tal-ġonna pubbliċi Maltin, fit-tisbiħ taċ-ċentri ta’ l-irħula; fit-tisbiħ tal-bliet imdawwra bis-swar li għandna f’pajjiżna. Il-Gvern qed jinvesti miljuni ta’ liri fil-wirt storiku ta’ pajjiżna li hu wieħed min-niċeċ ewlenin. 

Matul din is-sena identifikajna sitt zoni turistiċi li qed jingħataw priorità fi proġetti ta’ tisbiħ. Ir-restawr u r-riabilitazzjoni tad-Domus Romano, it-tisbiħ tal-Ġonna Howard, il-proġetti ta’ restawr, tat-tneħħija ta’ wires minn mal-ħitan u l-pavimentar mill-ġdid tat-toroq u l-isqaqien kollha fl-Imdina; it-tisbiħ tal-Ġonna tal-Barrakka ta’ Fuq u ta’ Isfel u tal-Ġonna ta’ Hastings; it-tisbiħ ta’ Vjal Glormu Cassar: dawn huma ftit mill-proġetti li l-Gvern wettaq biex jgħolli l-livell tal-prodott turistiku Malti. 

F’dan il-proċess il-Gvern mhux waħdu. Is-settur privat qed jagħti sehmu wkoll. Fl-aħħar sentejn is-settur privat investa aktar minn Lm60 miljun f’lukandi ġodda u fl-immodernizzar u ristrutturar ta’ lukandi eżistenti. Is-settur privat qed iwettaq tliet proġetti kbar ta’ żvilupp urban: il-proġett tal-Kottonera; il-Valletta Waterfront u l-proġett ta’ Manoel Island u l-Ponta ta’ Tigne’. Kemm il-proġett tal-Kottonera kif ukoll il-proġett tal-Cruise Liner Passenger Terminal taw ħajja ġdida lill-Port il-Kbir u qed jikkontribwixxu biex ikunu riġenerati dawn il-bliet storiċi ta’ pajjiżna. 

Nafu li l-miri li qiegħdna quddiema din is-sena għas-settur turistiku mhux ser jintlaħqu. Meta dan jiġi wara sentejn li fihom rajna n-numru ta’ turisti jiżdied b’aktar minn 52,000 hu ta’ dissapunt. Nemmen li jekk irridu li dan is-settur jirpilja, u malajr, irridu flimkien nieħdu miżuri korrettivi. B’hekk biss nattiraw turisti mill-ġdid lejn pajjiżna. Irridu naraw li lit-turist nagħtuh valur għall-flus li jonfoq, li t-turist iħossu milqugħ f’pajjiżna, li nżommu pajjiżna nadif u li s-servizzi li nagħtu, nagħtuhom mill-qalb. Li meta niġu biex nitħallsu sew għal prodotti li noffru kif ukoll għal servizz li nagħtu ma jkollnix prezzijiet  differenti għat-turist.  

Irridu naraw li jkollna linji ta’ l-ajru biżżejjed li jaħdmu lejn u minn pajjiżna biex iwasslu lit-turisti. Ma ninsewx li aħna gżira u li niddependu għat-turisti li jżuruna mil-linji ta’ l-ajru. F’dawn l-aħħar jiem il-Gvern aċċetta r-rakkomondazzjoni tal-Bord ta’ l-Evalwazzjoni li twaqqaf biex jeżamina l-offerti li għamlu żewġ kumpanniji low cost biex joperaw lejn u minn Malta rotot ġodda. Iż-żewġ kumpanniji li għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom huma l-akbar fl-Ewropa. Għalhekk li żewġ kumpanniji bħal dawn jagħżlu li joperaw minn u lejn Malta hu sinjal ta’ fiduċja fis-settur turistiku ta’ pajjiżna. F’dawn il-jiem ukoll Germanwings, l-akbar kumpannija low cost fil-Ġermanja, ħabbret li minn Marzu 2007 ser tibda topera erba’ titjiriet fil-ġimgħa lejn u minn Malta. Tnejn minn dawn se jkunu mill-ajruport ta’ Stuttgart u tnejn mill-ajruport ta’ Cologne-Bonn. Kumpannija oħra li bdiet topera titjiriet low-cost hi l-kumpannija Taljana Meridiana li anke ser tkompli bit-titjiriet tagħha fix-xitwa. Il-kumpanniji low-costhuma r-realtà ġdida fil-qasam ta’ l-ivvjaġġar. Għalhekk filwaqt li bl-ebda mod ma rridu nnaffru lil-legacy carriers, jew il-linji nazzjonali ta’ l-ajru, ma nistgħux ninjoraw il-low cost airlines. Irid jinħoloq bilanċ.  

Fis-settur turistiku, bħal f’kull settur ieħor, jkollok min ikun sejjer tajjeb u min mhux sejjer daqshekk tajjeb. Ikollok min jispikka. Forsi l-aktar settur li qed jispikka bħalissa hu dak tal-passiġġieri li jiġu bil-cruise liners. Dan hu settur li qed juri titjib anke għar-raġuni li llum pajjiżna għandu Cruise Liner Passenger Terminal ġdid u li joffri dak kollu li jkun irid il-passiġġier f’ambjent storiku iżda anke modern. Is-sena li għaddiet żaru pajjiżna 320,000 passiġġier abbord cruise liners. Dan hu aktar minn erba darbiet u nofs iżjed milli kellna għaxar snin ilu. (1996 – 69,240). Fl-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena żaru pajjiżna 33 fil-mija aktar passiġġieri abbord cruise liners mill-istess perijodu s-sena l-oħra. F’Awissu biss in-numru ta’ passiġġieri kważi rdoppja.  Il-konsorzju VISET li jmexxi dan it-terminal din is-sena qed jistenna 400,000 passiġġier. 

Il-Gvern jemmen li fil-qasam turistiku, bħal f’kull settur ieħor irid ikollok riżorsi umani mħarrġa u mgħallma tajjeb fil-mistier tagħhom. Kien għalhekk li dan il-Gvern bena l-Istitut għall-Istudji Turistiċi u ntroduċa korsijiet fit-turiżmu fl-Università u l-MCAST. Din is-sena, permezz ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura flimkien ma’ l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta  qed iniedi programm ta’ taħriġ għal ħaddiema li jiġu f’kuntatt mat-turist.  Hu qal li permezz ta’ dan il-programm li jiswa 400,000 Euro, li tliet kwarti minnhom se jinħarġu mill-Unjoni Ewropea, ħaddiema fis-settur turistiku u servizzi ta’ appoġġ turistiku jingħataw taħriġ biex hekk ikun hemm żvilupp kostanti ta’ dawn ir-riżorsi umani.  

Is-settur turistiku jibbenefikaw minnu dawk li jistiednu u dawk li jkunu mistiedna. Dan hu settur li jkabbar u jsaħħaħ il-koperazzjoni u r-relazzjonijiet umani. It-turiżmu jagħti kontribut qawwi lill-ekonomija. Nemmen li flimkien – il-Gvern, is-settur privat u l-poplu Malti kollu – nsaħħu s-settur turistiku biex niżguraw futur sod għal kulħadd. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow