RISTORANT ĠDID B’IKEL MEDITERRANJU
“L-ikel Mediterranju hu llum sinonimu ma’ ikel li jagħti s-saħħa. Dan it-tip ta’ ikel hu mfittex madwar id-dinja kollha. Għalhekk il-ftuħ tas-Serafino Restaurant, li se jservi ikel Mediterranju b’elementi ta’ ikel u kċina lokali, se jikkontribwixxi biex inkomplu ngħollu l-prodott kulinarju lokali mat-turisti li jżuruna.”
Dan qalu l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech meta inawgura s-Serafino Restaurant f’tas-Sliema li hu immexxi minn Peter Ellul Vincenti u Lisa Cutugno.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li f’pajjiżna hawn 1,050 ristorant u snack bar. Hu qal li dawn ma jinkludux madwar 150 ristorant ieħor fil-lukandi ta’ Malta u Għawdex. Hu qal li l-ikel huwa ingredjent importanti fis-servizz li jingħata lill-Maltin iżda hu daqshekk ieħor importanti għas-settur turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-mod kif jissajjar l-ikel, il-preżentazzjoni fuq il-mejda u l-mod kif iġibu ruhhom dawk li jservuh huma kollha fatturi importanti lejn li jkollna prodott aħjar. Hu qal li għalhekk il-Gvern preżenti waqqaf l-Istitut għal-Istudji Turistiċi u ħadem biex isiru korsijiet sew fil-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u Teknoloġija u fl-Universita’. Hu qal li minn dawn l-istituzzjonijiet edukattivi qed joħorġu dak kollha li jridu jippreparaw u jippreżentaw l-ikel.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-managress ta’ dan ir-ristorant, Lisa Cutugno, hi gradwata ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) u tal-kors fl-Istudji Turistiċi fl-Universita’ ta’ Malta fejn għadha kif lestiet it-teżi tagħha dwar l-użu ta’ ikel Malti fir-ristoranti Maltin. Hu qal li anke il-Head Chef Andre’ Spiteri, hu gradwat mill-ITS. Hu qal li dan juri l-importanza ta’ dawn l-istituzzjonijiet fl-iżvilupp tas-settur turistiku.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura feraħ lil Peter Ellul Vincenti u lil Lisa Cutugno għal din l-inizjattiva tagħhom u awguralhom kull risq.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958