Left arrow Go Back

KONFERENZA STAMPA MILL-ONOR. DR. CARMELO MIFSUD BONNICI, SEGRETARJU PARLAMENTARI FIL-MINISTERU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN - VALLETTA - 26 TA’ SETTEMBRU 2006

PR1292
Date Icon 27/09/2006

“Il-bieraħ, ġie ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern, abbozz ta’ liġi ġdid li jemenda l-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili.  Dan l-abbozz ta’ liġi huwa parti mill-ħidma li saret fi ħdan il-Ministeru fil-proċess ta’ konsultazzjoni li żviluppa mill-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef”. 

Filwaqt li ħafna mill-emendi li diġà saru minn dan il-Ministeru kienu mfassla sabiex iħollu iktar il-problemi marbuta mal-kawżi ta’ natura ċivili u kummerċjali quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u t-Tribunal għal Talbiet Żgħar, dawn huma ndirizzati għall-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u għall-Qorti ta’ l-Appell.  L-intenzjoni dikjarata hija dik li nerġgħu nippruvaw inċaqilqu ’l quddiem settur li hu tant determinanti għal pajjiżna. 

Irid jingħad li l-miżuri li ttieħdu - b’mod partikolari l-ittri uffiċjali eżekuttivi, t-twaqqif taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni u t-tisħiħ taċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, li ġew approvati mill-Parlament u mplimentati – kellhom diġà l-effett pożittiv u naqqsu l-kawżi pendenti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati u t-Tribunal għal Talbiet Żgħar.  Fil-fatt, hawn rajna tnaqqis tajjeb li, xahar wara ieħor, qed jirreġistra ruħu.  Għax irid jingħad li filwaqt li f’Awissu tas-sena l-oħra, qabel daħlet fis-seħħ l-ittra uffiċjali eżekuttiva, fil-Qrati tal-Maġistrati kellna 1,578 każ pendenti.  Din is-sena kellna 1,335.  Fit-Tribunal għal Talbiet Żgħar, minn 2,339 li kellna s-sena l-oħra, din is-sena nżilna għal 1,434 kawża pendenti. 

Dawn il-miżuri, fil-verità qed jgħinu sabiex jibdlu iktar il-kultura legali u hemm bżonn li jsiru għax inkella nrendu l-Qrati tagħna bħala strumenti li flok jgħinu jispiċċaw bħala xkiel għal diversi aspetti soċjali u ekonomiċi tal-pajjiż.  Dak li qiegħed jiġi propost, għalkemm jista’ jidher bħala iebes jew radikali jew ‘il fuq min-normal, ma huwa xejn minn dan, iżda sforz ieħor sabiex nimxu passi oħra ’l quddiem.  Passi li permezz tagħhom, filwaqt li fuq naħa ma nitilfu xejn mill-valur u s-sustanza tal-ġustizzja, fuq in-naħa l-oħra nassiguraw ħinijiet ferm iqsar milli għandna llum. 

Għalhekk il-ħsieb prinċipali huwa dak li nippruvaw nassiguraw li jkun hemm ħidma aktar qawwija sabiex il-kawżi jsiru u s-sentenzi jinqatgħu fi żmien iqsar mil-lum. 

Għad hemm ġabra ta’ kawżi, sija fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili kif ukoll quddiem il-Qorti ta’ l-Appell li hemm bżonn li jiġu deċiżi.  Għalhekk qed inressqu s-segwenti proposti għall-konsiderazzjoni tal-Parlament tagħna.

A.        SEZZJONI ĠDIDA FIL-PRIM’AWLA TAL-QORTI ĊIVILI SPEĊJALIZZATA FUQ KAWŻI MARBUTA MAL-PROPRJETÀ U SUĊĊESSJONI

Wara li daħħalna fis-seħħ is-Sezzjoni speċjali tal-Qorti tal-Familja, rriżulta li terz tax-xogħol tal-Qorti jmur quddiemha.  Minn eżami dettaljat tal-kawżi pendenti rriżulta li hemm madwar elf u erba’ mitt (1,400) waħda minn 6,235 pendenti li huma marbuta ma’ proprjetà u suċċessjoni.  L-esperjenza fil-Qorti turi li dawn huma l-kawżi li l-iktar li jdumu u l-iktar li jsibu kumplikazzjoni.  Ir-riżultat huwa ġlied fil-familji li jaqbeż il-ġenerazzjonijiet, u proprjetà li tibqa’ barra miċ-ċirkolazzjoni u żvilupp tal-pajjiż.

Ma’ dan irid jingħad ukoll li bl-emendi li saru sentejn ilu, fosthom li ko-proprjetarji jistgħu issa jitolbu li proprjetà tinbiegħ minkejja l-oppożizzjoni ta’ terzi persuni u li dawn il-kawżi jridu jsiru kollha quddiem il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili, huwa stmat li ser ikun hemm żjidiet ulterjuri tax-xogħol. 

Għalhekk, sabiex il-kawżi jinqatgħu iktar malajr, qiegħed jiġi propost li titwaqqaf Sezzjoni ġdida u speċjalizzata tal-proprjetà u suċċessjoni fejn l-ewwel ikun hemm numru ta’ Mħallfin li jaraw dawn it-tip ta’ kawżi biss, u t-tieni li l-proċedura tiqsar u tiħfief. 

B.        DEWMIEN FIL-KAWŻI

Sfortunatament, il-problema prinċipali fil-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili hija marbuta mad-dewmien fil-proċeduri, b’numru sew ta’ każijiet (madwar 57%) li ilhom pendenti tlett snin u iktar.  Għalkemm f’dawn it-tlett snin rajna tnaqqis ta’ 10% ta’ din il-figura xorta għadna f’pożizzjoni mhux sodisfaċenti.  Ir-realtà hija li għad għandna ħafna kawżi li qed jitwalu inutilment minħabba differiment li mhux dejjem ikollhom verament raġun, kif ukoll għal varjetà ta’ metodi ta’ kif isir tkaxkir tas-saqajn mill-operaturi legali.  

Għalhekk, hawn qiegħed jiġi propost li: 

i)l-kawżi kollha preżentati jridu jiġu appuntati fi żmien xahrejn;
ii)li d-differimenti tal-kawżi ma jistgħux ikunu ta’ iktar minn xahrejn;
iii)kawżi li jkunu ilhom tlett snin quddiem ġudikant partikolari jistgħu jiġu trasferiti f’idejn ġudikant ieħor fuq is-sempliċi fatt li dawn ikunu damu daqshekk;
iv)kawżi li ilhom tmintax-il xahar differiti għas-sentenza jistgħu wkoll jiġu trasferiti f’idejn ġudikant ieħor bl-istess mekkaniżmu.

Ċ.        TIBDIL FIL-QORTI TA’ L-APPELL

Fil-Qorti ta’ l-Appell, minkejja l-isforzi kbar li qed isiru, hemm pożizzjoni fejn hemm madwar 900 appell li għandna pendenti.  Tul dawn l-aħħar snin, is-sitwazzjoni baqgħet l-istess.  Mill-istatistika jidher ċar li l-appelli għandhom, fil-maġġoranza tagħhom, sentejn u nofs, kważi tlieta, sabiex jiġu appuntati.  Skond il-liġi llum għandek il-ħlas tal-kawtela ta’ l-appelli li titħallas meta dan ikun appuntat sa’ jum qabel.  Dan qiegħed ifisser li kull min irid itawwal jibqa’ jistenna sa’ l-aħħar, ma jħallasx, u wara sentejn/tlieta, is-sentenza ssir res judicata - ovvjament għad-detriment ta’ min rebaħ in prim’istanza.  Minn sena għal sena jirriżulta li qisu 25% sa 30% ta’ l-appelli jispiċċaw deżerti.  Dan qed isir sempliċement sabiex jiġi gwadanjat iż-żmien.  

Għalhekk, in vista ta’ dan qiegħed jiġi propost li l-artikoli 152 (1) u 249 (1) li jistabilixxu l-ħlas tal-kawtela jiġu emendati billi jidħlu żewġ punti:- 

1.         li l-kawtela ta’ l-appell għandha titħallas jew fi żmien sitt (6) xhur li tirċievi l-avviż, jew inkella sa jum qabel jum is-smigħ ta’ l-appell, skond liema hija l-iqsar; u għalhekk jinqatgħu l-appelli ta’ min qiegħed jabbuża mis-sistema; u 

2.         li t-terminu ta’ sitt xhur kif stabbilit fl-artikolu 152 (1) jibda’ jiddekorri mill-jum tal-ħlas tal-kawtela ta’ l-appell.

D.        BIDLA FL-ITTRI UFFIĊJALI EŻEKUTTIVI 

Kif diġà spjegajt, permezz ta’ l-Att IX ta’ l-2004 ġew introdotti żewġ emendi importanti għall-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili, li permezz tagħhom debiti taħt il-Lm5,000 u kambjali jistgħu jinġabru iktar malajr. 

Għalkemm inizjalment kien hemm ċertu reżistenza, speċjalment għall-ittra uffiċjali eżekuttiva għall-ammonti taħt il-ħamest’elef lira (Lm5,000) li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Awissu 2005, illum dan huwa aċċettat.  Fil-fatt, mill-istatistika jirriżulta li kull xahar qed jiġu ppreżentati madwar 300 waħda minn dawn.  Mis-sena l-oħra ’l hawn kellna 5,000 li ġew preżentati.  L-esperjenza hija pożittiva u l-mekkaniżmu legali qiegħed jaħdem tajjeb, b’iktar nies – speċjalment dawk fin-negozju – jużawha. 

Fil-laqgħat li kellna in konnessjoni mar-riforma tal-mandati eżekuttivi u kawtelatorji, diversi kienu dawk li ssuġġerew li nimxu pass ieħor.  Dan huwa:- 

1.                  li ntellgħu iktar ’il fuq minn debiti ta’ Lm5,000;

2.                  li nagħtu l-fakultà lil Ministru li b’avviż iżid il-valur; u

3.                  li l-Qorti tappunta għas-smigħ ir-rikors li jikkontesta l-ittra uffiċjali. 

B’dawn il-miżuri ser inkomplu nissudaw dan il-mekkaniżmu effiċjenti u effikaċi li qiegħed jagħti rimedji faċili u rħas għal kull min għandu jieħu. 

E.        ŻIEDA FIL-KOMPETENZA TAL-QORTI TAL-MAĠISTRATI

Preżentement il-kompetenza fil-Qrati tal-Maġistrati hija ta’ kawżi bejn l-Lm1,500 u l-Lm5,000.  Tul dawn l-aħħar xhur naqsu l-kawżi pendenti u dawk ġodda.  Dan sar sija bl-ittri uffiċjali eżekuttivi, bit-trasferiment tal-kawżi fiċ-Ċentru ta’ l-Arbitraġġ, kif ukoll għax il-kawżi ta’ proprjetà qed isiru kollha fil-Prim’Awla.  Issa, minħabba din il-miżura qed jiżdiedu l-kawżi ġodda quddiem il-Prim’Awla, għalhekk ikun tajjeb jekk nerġgħu nibbilanċjaw l-istat billi nżidu l-kompetenza quddiem il-Qorti tal-Maġistrati fejn huwa magħruf li l-kawżi jdumu ferm inqas milli quddiem il-Prim’Awla u fl-istess ħin innaqqsu minn fuq.   

Għalhekk qiegħed jiġi propost illi l-kompetenza tal-Qorti tal-Maġistrati tiżdied għal Lm10,000.   

F.        RITRATTAZZJONI KOSTITUZZJONALI 

Qed jiżdiedu r-rikorsi kostituzzjonali sabiex fihom wieħed ikun jista’ jippreżenta talba għal ritrattazzjoni billi din stranament ma kenitx tifforma parti mil-liġi tagħna, b’komplikazzjonijiet kbar u inutili. 

Ġ.        ESTENSJONI TAL-VALIDITÀ TA’ SENTENZA

Qiegħed jiġi estiż it-terminu ta’ żmien għal għaxar (10) snin għal kawżi deċiżi u ta’ tlett (3) snin għal dawk ta’ titoli eżekuttivi.  Dan qiegħed isir sabiex jitnaqqsu l-kawżi fuq kawżi u jidħol terminu għat-titoli eżekuttivi li qabel ma kienx hemm.

KONKLUŻJONI

Għalhekk, b’dawn il-miżuri qed nittamaw li nerġgħu nagħtu pass ieħor determinanti sabiex il-pajjżi tagħna jkollu sistema ġudizzjarja li żżid fir-rispett u fl-istess ħin taqta’ l-kawżi li jiġu quddiemha b’veloċità aqwa.” 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow