Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR LOUIS DEGUARA, MINISTRU TAS-SAĦĦA, L-ANZJANI U KURA FIL-KOMUNITÀ, FL-OKKAŻJONI TAL-FTUĦ TAS-SALA MOTHER TERESA FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL - 25 TA’ SETTEMBRU 2006

PR1289
Date Icon 26/09/2006

Onor. Prim Ministru, 

Onor. Kollega, 
Sinjuri, 

Il-ftuħ ta’ din is-sala hija xhieda ħajja ta’ l-impenn ta’ dan il-gvern li jkompli jseddaq il-politika tiegħu favur l-anzjani, politika li bdiet tiġi żviluppata u mwettqa fl-1987. Sa mill-bidu ta’ l-ewwel gvern Nazzjonalista mmexxi minn Dr. Eddie Fenech Adami, twaqqaf Segretarjat għall-Anzjani bil-ħsieb li jiffoka esklużivament fuq il-bżonnijiet ta’ l-anzjani. Minn dakinhar ’l hawn l-anzjani telgħu sew ’il fuq fl-aġenda tal-gvern u tas-soċjetà. Mhux ta’ b’xejn li llum kulħadd jorbot is-settur ta’ l-anzjani mal-gvern preżenti. Mertu kbir ta’ dan għandu jmur lejn il-Professur Rizzo Naudi u Dr. Antoine Mifsud Bonnici l-pijunieri li laħħmu u kkonkretizzaw din il-politika. L-istandards li stabilixxew ipoġġu sfida qawwija kemm għas-Segretarju Parlamentari Helen D’Amato kif ukoll għalija biex inkomplu fuq il-kontribut tagħhom u naġġornawh għall-iżviluppi u l-ħtiġijiet tal-lum.  

Fl-1987, il-gvern ta’ dak iż-żmien kien stqarr bl-iktar mod ċar li l-anzjani posthom kien fis-soċjetà, fl-ambjent li fih trabbew imdawrin bil-familja u l-ħbieb tagħhom. Għalhekk tfasslu numru ta’ servizzi fil-komunità bil-għan li jiffaċilitaw u jħajjru lill-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità li fiha trabbew. Iżda l-gvern kien konxju li għad jiġi żmien fil-ħajja li minħabba mard, fraġilità jew ċirkostanzi familjari u soċjali, jagħmilha impossibbli li l-anzjani jibqgħu fil-komunità tagħhom mingħajr tnaqqis fil-kwalità tal-ħajja, meta mhux ukoll b’riskju għall-ħajjithom.

Għalhekk il-gvern bena u se jkompli jibni numru ta’ Djar għall-Anzjani ma’ Malta kollha. L-anzjani jixirqilhom l-aħjar u għalhekk il-modernizzar radikali bil-mod il-mod ta’ San Vinċenz de Paul b’mod li meta tidħol fis-swali modernizzati u l-faċilitajiet li fihom, ma jintgħarfux minn dak li sibna fl-1987. Illum l-istigma ta’ San Vinċenz fil-passat magħruf bħala l-Imgieret jew Tax-Xjuħ għebet għal kollox.  Verament minn dak iż-żmien sal-lum imxejna triq twila. Mhux ta’ b’xejn li iżjed u iżjed anzjani japplikaw biex jidħlu f’din ir-Residenza.

Dan l-aħħar il-gvern reġa’ ta daqqa t’għajn lejn l-iżviluppi li qed isiru b’pass imgħaġġel. L-ewwel, il-bidla demografika. Ir-rata kbira tat-twelid fis-snin ta’ wara l-gwerra fissret li issa n-numru kbir tat-trabi ta’ dakinhar qed jilħqu l-anzjanità. Min-naħa t-titjib kbir fix-xjenza medika u l-faċilitajiet li nipprovdu fil-qasam tas-saħħa jfisser li ħafna minn dawn huma iżjed f’saħħithom minn missirijiethom u ommijiethom fl-istess età. Iżda fi ftit snin oħra dawn ukoll jaslu fi stat li jkunu jeħtieġu li jiġu istituzzjonalizzati. L-iżviluppi ekonomiċi, demografiċi flimkien ma’ dawk kulturali jfissru ukoll li dawk li s-soltu jieħdu ħsieb b’għożża l-anzjani m’għadhomx f’pożizzjoni li jagħmlu dan.  

L-anzjani li qed ifittxu kenn f’San Vinċenz de Paul ħafna drabi uliedhom huma anzjani wkoll u mhux dejjem ikunu f’pożizzjoni li barra l-ħtiġijiet tagħhom jieħdu ħsieb ukoll il-bżonnijiet iktar akuti tal-ġenituri tagħhom. Il-fatt li iżjed koppji llum jaħdmu t-tnejn u n-numru ta’ dawn mistenni li jkompli jiżdied fil-ġejjieni, se jżid in-numru ta’ anzjani li ma jsibux minn jindokra l-bżonnjiet tagħhom.  

Jiddispjaċini ngħid li uħud minn dawk li japplikaw biex jidħlu fir-residenzi tal-gvern huma vittma ta’ uliedhom li iktar mill-għożża tal-ġenituri għandhom għożża ikbar għal djarhom. Saħansitra nsibu evidenza ta’ ġenituri anzjani li huma abbużati verbalment jew fiżikament minn uliedhom. 

Għalhekk hemm bżonn ta’ aġġornament. L-ewwel nett irridu riabiltazzjoni aħjar u iktar effettiva. Illum anke dawk li kienu kontra, jaqblu li l-isptar Zammit Clapp kien suċċess sħiħ. Matul is-snin eluf ta’ anzjani ħadu t-terapija f’dan l-isptar u l-biċċa l-kbira minnhom marru lura jgħixu f’darhom. Iżda llum is-sittin sodda ta’ dan l-isptar huma ftit wisq għan-numru dejjem jikber ta’ anzjani. Għalhekk iddeċidejna li fis-sit ta’ San Vinċenz nibnu faċilità ta’ riabiltazzjoni b’ 280 sodda li għandha tlaħħaq mad-domanda għas-snin li ġejjin. It-terapija ta’ riabiltazzjoni għal kull min jeħtieġha għandha żżomm lil ħafna anzjani fi djarhom u tittardja l-bżonn li jiġu rikoverati f’San Vinċenz de Paul. Se naraw li l-istandards ta’ eċċellenza ta’ Zammit Clapp jiġu attwati wkoll f’dan l-isptar speċjalizzat. 

Nafu li dan mhux biżżejjed. In-numru ta’ dawk li se jfittxu istituzzjoni se jkompli jiżdied u għalhekk qed nippjanaw li nżidu n-numru ta’ sodod. Għal dan il-għan  se  nkabbru San Vinċenz u nżidu numru ta’ sodod oħra. Qed inkomplu nistinkaw biex nsibu soluzzjonijiet innovattivi flimkien mal-privat kif għamilna fil-każ tad-Dar tal-Mellieħa li għandha tkun miftuħa fl-2008 u tipprovdi mal-100 sodda oħra.  

Kif taraw is-settur ta’ l-anzjani mhux wieħed statiku iżda dinamiku għall-aħħar. Aħna se nibqgħu attenti biex nippjanaw għall-esiġenzi ta’ l-anzjani. Il-ġenerazzjonijiet tagħna għandhom dejn kbir magħhom li wara kollox kienu huma li bnew Malta li għandna llum. 

Fl-aħħarnett nixtieq nirringrazzja  lil kull min ta sehem biex dan il-proġett jitlesta.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow