L-EWWEL JUM TA’ L-ISKOLA - FTUĦ NORMALI U ORGANIZZAT TA’ L-ISKEJJEL
Eluf ta’ studenti u għalliema llum reġgħu ltaqgħu għall-ewwel darba wara l-vaganzi tas-sajf biex jagħtu bidu għal sena skolastika ġdida fl-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex. L-atmosfera fl-iskejjel dalgħodu kienet karatterizzata minn ħafna ferħ, eċċitament, moviment u stennija. Jirriżulta li fl-ewwel ġurnata ta’ l-iskola kollox mexa sewwa, bla skossi u kif pjanat, inkluż it-trasport.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, il-Ministru għal Għawdex Giovanna Debono, is-Segretarju Permanenti Frans Borg, u d-Direttur Ġenerali Dr Cecilia Borg dalgħodu żaru diversi skejjel u taw merħba lill-istudenti u l-għalliema.
Il-Ministru Louis Galea appella lill-ġenituri biex jiffokaw fuq l-iżvilupp edukattiv ta’ uliedhom. “Jiena napprezza sew is-sagrifiċċju u d-diffikultajiet li l-ġenituri jħabbtu wiċċhom magħhom, speċjalment jekk ikollhom mard jew problemi fil-familja. Iżda jeħtieġ li kull omm u kull missier jieqaf mill-ġirja tal-ħajja u jpoġġi l-prioritajiet f’posthom. L-ulied jiġu l-ewwel u qabel kollox. Il-ferħ u s-sodisfazzjon veru tal-ġenituri jiġi aktar mis-suċċess ta’ uliedhom milli mis-suċċess tagħhom. Aħna bħala Gvern ninsabu bis-sħiħ mal-ġenituri biex uliedna jirnexxu lkoll,” qal Louis Galea.
Matul il-jum ta’ l-iskola l-Ministeru u d-Diviżjoni kellhom kuntatt ma’ kull skola ta’ l-Istat u rriżulta li l-ewwel ġurnata mxiet tajjeb kif kien ippjanat. Fil-ġimgħat li għaddew il-Ministru Louis Galea u l-ogħla uffiċjali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni u l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ħadmu għall-organizazzjoni u t-tħejjija meħtieġa biex iwasslu għall-ftuħ ta’ l-iskejjel bla skossi u bla tfixkil. Anke s-sistema tat-trasport pubbliku ta’ l-iskejjel bdiet ix-xogħol tagħha kif ġie miftiehem is-sena l-oħra fi ftehim li jkopri sa l-2010.
B’kollox aktar minn 67,000 student se jibdew din is-sena skolastika, 42,000 fl-iskejjel ta’ l-Istat, 17,000 fl-iskejjel tal-Knisja u 8,000 fi skejjel indipendenti. Fl-iskejjel ta’ l-Istat hemm 22,063 subien u 20,768 bniet. Fil-ġranet li ġejjin jibdew 2535 tfal ta’ tlett snin għall-ewwel darba fiċ-ċentri tal-kindergarten fejn b’kollox hemm 5416 tfal. Fil-livell primarju hemm 17,621, fil-livell sekondarju hemm 17,677 studenti, filwaqt li 2117 studenti qed jattendu l-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi u l-iskola Sir M.A. Refalo ta’ Għawdex.
Għal dawn l-istudenti hemm 895 għalliema fil-primarji, 2071 għalliema fis-sekondarji, 370 kindergarten assistants, u 1050 learning support assistants. L-iskejjel kollha għandhom il-Kap jew Agent Kap u l-Assistenti Kapijiet meħtieġa. Jirriżulta li għad hemm bżonn tnax il-għalliem f’suġġetti tax-xjenza u ta’ l-IT.
Dalgħodu madwar 17,000 student twasslu l-iskola fuq aktar minn 740 rotta differenti. Anke hawn it-trasport ħadem b’mod organizzat ferm tant li kienu biss numru żgħir ta’ każijiet individwali fuq għaxar rotot fejn kien hemm diffikultajiet.
F’laqgħa li kellu mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel fl-aħħar tal-ġimgħa l-Ministru Louis Galea ħabbar li 104 skejjel ta’ l-Istat f’Malta u Għawdex ser jiġu organizzati u minsuġa f’10 Kulleġġi. It-twaqqif tal-Kulleġġi beda sa mis-sena skolastika li għaddiet bil-Kulleġġi ta’ Għawdex, tal-Kottonera u San Benedittu. Fil-ġimgħat li ġejjin ser jibdew jaħdmu erba’ Kulleġġi ġodda filwaqt li s-sena d-dieħla jitwaqqfu t-tlett Kulleġġi li jkun fadal.
Is-sena skolastika ġdida bdiet ukoll għall-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi fin-Naxxar li torganizza korsijiet ta’ l-‘O’ Level SEC u tal-MATSEC għal żgħażagħ li jkunu temmu l-iskola sekondarja. Nhar l-Erbgħa li ġejjin din l-iskola tiftaħ ir-registrazzjoni għall-istudenti l-ġodda. F’din l-iskola il-Gvern permezz tal-FTS bena blokk ġdid ta’ lecture rooms, laboratorji, u librerija li jirdoppjaw il-faċilitajiet li kellha s’issa din l-iskola. Ix-xogħol kollu twettaq mill-FTS u tlesta fi żmien rekord ta’ sena.
Din ser tkun l-aħħar sena li l-iskejjel speċjali ser jiftħu fil-forma li għandhom sal-lum. Matul is-sena li għaddiet bdiet l-implimentazzjoni tar-Rapport ’Spiteri’ dwar l-edukazzjoni speċjali u inklużiva. Dawn l-iskejjel ġew minsuġa flimkien taħt it-tmexxija tas-Sur George Borg li ngħata wkoll l-inkariku tat-tmexxija ta’ dan is-settur kollu. Issa bdiet il-ħidma biex dawn l-iskejjel jiġu trasformati f’Ċentri ta’ Riżorsi li jieħdu fihom tfal u studenti bi bżonnijiet speċjali skond il-grupp ta’ l-eta` (kinder/primarju, sekondarju, u post-sekondarju) u mhux skond il-kondizzjoni tal-bżonn speċjali. Hu maħsub li Ċentru minnhom ikun għal studenti bi bżonnijiet speċjali li jkunu għalqu s-sittax-il sena u li jingħataw taħriġ edukattiv u vokazzjonali li jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet sa l-aħjar potenzjal tagħhom.
Il-Ministru rringrazzja lill-uffiċjali għolja tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, lill-Kapijiet, lill-Assistenti Kapijiet, lill-għalliema, il-ħaddiema tekniċi u l-cleaners u lill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada għall-ħidma tagħhom biex l-iskejjel kienu lesti għall-ewwel ġurnata ta’ l-iskola. Huwa rringrazzja wkoll lill-kuntratturi tat-trasport ta’ l-iskejjel.
Il-Ministru Galea temm jgħid li kull persuna li tagħti kontribut fil-vjaġġ edukattiv ta’ kull tifel u tifla Maltija u Għawdxija għandha tagħmel dan b’impenn, dedikazzjoni u professjonalità biex bħala katina flimkien nassiguraw l-aħjar edukazzjoni ta’ kwalità biex uliedna jirnexxu lkoll.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958