Left arrow Go Back

LEJLET IL-FTUĦ TAS-SENA SKOLASTIKA 2006/2007: IMĦABBRA L-GĦAXAR KULLEĠĠI TA’ L-ISKEJJEL TA’ L-ISTAT

PR1280
Date Icon 24/09/2006

L-iskejjel primarji u sekondarji kollha ta’ l-Istat ser jintisġu f’għaxar Kulleġġi kif indikat fl-iskeda annessa.  Il-Ministru Louis Galea ħabbar dan waqt laqgħa fis-Sala Robert Samut, Floriana, mal-Kapijiet ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat f’Malta, lejlet il-ftuħ tas-sena skolastika 2006/2007.  Huwa ħabbar ukoll li issa ser jiġu introdotti erba` Kulleġġi ġodda flimkien mat-tliet Kulleġġi u n-network ta’ l-iskejjel speċjali li bdew jaħdmu s-sena li għaddiet.  

Is-sena d-dieħla jitwaqqfu t-tliet Kulleġġi li jkun jifdal. Il-Ministru introduċa lis-Sur Paul Attard, is-Sinjura Bernadette Azzopardi, is-Sur Joe Buttigieg, u s-Sur Ray Facciol li ntgħażlu bħala l-erba’ koordinaturi tal-Kulleġġi l-ġodda. Il-laqgħa kienet indirizzata wkoll mid-Direttur Ġenerali ta’ l-Edukazzjoni, Dr Cecilia Borg. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni beda d-diskors tiegħu billi fisser l-apprezzament tiegħu għall-għalliema u l-ġenituri kollha li jimpenjaw ruħhom fil-vokazzjoni ta’ l-edukazzjoni ta’ ulied il-poplu. Huwa sostna li hekk kif Malta tul is-seklu l-ieħor żviluppat f’nazzjon modern li jipprovdi għixien ta’ kwalita` għall-poplu tiegħu bis-saħħa ta’ l-edukazzjoni, issa wisq aktar, trid tkun l-edukazzjoni li f’dan is-seklu tar-rivoluzzjoni elettronika tgħin il-poplu tagħna jilħaq u jisfrutta b’ġid kbir orizzonti ġodda. 

Louis Galea qal li nhar it-Tnejn eluf ta’ tfal u studenti jirritornaw lejn l-iskejjel ta’ l-Istat għall-bidu ta’ sena skolastika ġdida. Fil-ġranet li ġejjin ikomplu jiftħu l-iskejjel tal-Knisja u tal-privat kif ukoll is-Sixth Forms, l-MCAST u l-Universita`.  

“Kull bidu għandu jgib miegħu sejħa ġdida, impenn ġdid, biex nidħlu b’entużjażmu u nagħmlu ħilitna kollha għat-tagħlim u l-edukazzjoni. Nafu li l-isfida li l-Gvern qed ipoġġi quddiemna hi BIEX ULIEDNA JIRNEXXU LKOLL, biex nagħtu EDUKAZZJONI TA’ KWALITA` GĦAL KULĦADD.  Il-Gvern mhux qed joqgħod lura milli jinvesti l-aktar li jista` biex ikollna l-aħjar skejjel, riżorsi u għodda.  Iżda l-edukazzjoni tilħaq is-suċċess tagħha biss jekk l-atturi prinċipali – studenti, ġenituri u għalliema – jiddedikaw ruħhom għal waħda mill-isbaħ esperjenzi fil-hajja li hi l-iżvilupp ta’ l-intelligenza, l-ħiliet u t-talenti li Alla jżejjinna bihom,” qal Louis Galea. 

Il-Ministru Galea qal li fl-4 ta’ Settembru beda jdaħħal fis-sehh il-provvedimenti l-ġodda tal-Liġi dwar l-Edukazzjoni li l-Parlament approva f’Lulju li għadda. Huwa fisser li l-liġi issa qed tipprovdi l-bażi legali għas-sistema l-ġdida ta’ l-organizzazzjoni u t-tmexxija ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat fi ħdan għaxar Kulleġġi. “Tajjeb wieħed jifhem li n-nisġa ta’ l-iskejjel primarji saret fuq bażi ta’ reġjuni li ġew abbinati ma’ skejjel sekondarji eżistenti.  Il-Gvern qed jibni numru ta’ skejjel sekondarji ġodda f’Malta u Għawdex biex fi żmien ftit snin in-nisġa taċ-ċentri tal-kinder u tal-primarji f’kull Kulleġġ tissaħħaħ ma’ żewġ skejjel sekondarji li jkunu nbnew jew ġew modernizzati apposta biex b’hekk il-Kulleġġi jieħdu s-sura propja tagħhom.” Il-Ministru Galea qal li kull Kulleġġ jitmexxa minn Prinċipal flimkien mal-Kunsill tal-Kapijiet.  Kull Kulleġġ ser ikollu isem li jkun japplika għall-iskejjel kollha fi ħdan il-Kulleġġ. 

Il-Ministru Galea qal li l-liġi tipprovdi wkoll għat-twaqqif ta’ żewġ Direttorati li ser iwettqu bejniethom il-funzjonijiet li wettqet sal-lum id-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni.  

“Bħalissa qed isiru t-tħejjijiet meħtieġa biex dawn iż-żewġ Direttorati jitwaqqfu mill-aktar fis.  

Id-Direttorat għal Kwalita` u Standards fl-Edukazzjoni ser ikollu tlett taqsimiet : 

(1) Żvilupp tal-Kurrikulu, Assikurazzjoni tal-Kwalita` u Spettorat Edukattiv,

(2) Xjenza, Teknologija u ICT fl-Edukazzjoni, u

(3) Osservanza tal-Liġijiet u Regolamenti ta’ l-Edukazzjoni.  

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ukoll ser ikollu tlett taqsimiet:

(1) Servizzi għall-Istudenti,

(2) Żvilupp u Management tar-Riżorsi Umani, u

(3) Servizzi u Riżorsi għall-Iskejjel. Kull Direttorat jitmexxa minn Direttur Ġenerali.”  

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni qal ukoll li l-liġi l-ġdida tinkludi provvedimenti li jimplimentaw uħud mir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Spiteri dwar l-edukazzjoni inklużiva u speċjali. “Minbarra li diġa` sar ħafna xogħol ġdid f’dan il-qasam, bħalissa qed issir ħidma biex issir r-riorganizzazzjoni tal-proċess ta’ statementing ta’ studenti bi bżonnijiet speċjali li jattendu skejjel regolari kif ukoll tas-sistema ta’ l-iskejjel speċjali. Dawn ta’ l-aħħar ser jiġu żviluppati f’Ċentri ta’ Riżorsi klassifikati fuq livell primarju, livell sekondarju u livell post-sekondarju u vokazzjonali.” 

Il-Ministru Louis Galea għamel aċċenn speċjali fuq is-suġġett ta’ l-imġieba tajba u d-dixxiplina fl-iskejjel mill-istudenti, ġenituri u għalliema. Huwa fakkar li f’Marzu ta’ din is-sena kien talab il-kummenti ta’ dawk kollha interessati dwar ir-reviżjoni tal-policy kontenuta fid-dokument “Imġieba Tajba u Dixxiplina fl-Iskejjel”. Il-Ministeru qed jaħdem fuq l-aġġornament ta’ din il-policy iżda mill-kummenti li daħlu sad-data ta’ l-għeluq fit-30 ta’ April, jirriżulta li bażikament il-policy attwali hi konsidrata tajba u effettiva. 

“Il-pożizzjoni tal-Ministeru dwar dan is-suġġett hi ċara.

·                    L-ewwel responsabbilita` għall-imġieba tajba hi tal-ġenituri.  

·                    It-tieni responsabbilita` hi ta’ l-iskola.   

Il-policy “Imġieba Tajba u Dixxiplina fl-Iskejjel” tispjega biċ-ċar u pass pass l-iskola kif għandha timxi biex tassigura l-ewwel l-imġieba tajba mbagħad, jekk din tfalli, id-dixxiplina. L-istorja turi li l-maġġoranza stragrandi ta’ l-iskejjel għandhom sitwazzjoni tajba ħafna f’dan il-qasam. Il-pożizzjoni tagħna dwar imġieba mhix aċċettabbli hi ta’ tolleranza żero. Xi jfisser dan? Ifisser li f’kull każ tiġi applikata l-policy b’fermezza u ġustizzja. Din hi r-responsabbilita` tal-Kap ta’ l-iskola. Kulħadd irid jifhem li l-ewwel skop tad-dixxiplina hu edukattiv u fit-twettiq tagħha, il-Kap għandu l-assistenza tal-Assistenti Kapijiet, it-tim tas-servizzi psiko-soċjali, u tal-Koordinaturi tal-Kulleġġi fejn diġa` ġew appuntati. Il-Bord Nazzjonali għandu d-dritt jisma` appelli kif titlob il-policy,” sostna l-Ministru Galea. 

Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni emfasizza wkoll li l-iskejjel għandhom jagħtu l-ogħla importanza lil każijiet ta’ assentejiżmu u li jassiguraw insistenza fuq policy f’kull skola għal ikel u xorb tajbin għas-saħħa (Healthy Food and Drinks Policy). Il-Kapijiet għandhom jaraw li t-Tuck Shops fl-iskejjel qed josservaw bis-sħiħ din l-policy u fejn ikun hemm ksur għandhom iwaqqfu l-kuntratti relattivi. Fl-aħħarnett il-Ministru Galea qal li l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Skolastiċi issa ssottomettiet il-proposti tagħha għar-regolamenti l-ġodda tal-Kunsilli Skolastiċi li mistennija jiġu finalizzati kmieni s-sena d-dieħla.   

Il-Ministru Galea awgura s-sena t-tajba lil kull parteċipant f’din l-esperjenza edukattiva ta’ pajjiżna.  “L-impenn, id-dedikazzjoni u l-professjonalità ta’ kull min jagħti servizz f’dan is-settur mhux biss iġib miegħu sodisfazzjon u ferħ iżda jissarraf fil-valur għoli ta’ poplu f’saħħtu mgħammar b’ħiliet, valuri u attitudnijiet li jsebbħu u jmexxu ’l quddiem lil pajjiżna,” temm Louis Galea.  

lista tal-Kulleġġi

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow