Left arrow Go Back

22 KOR U 15-IL PAJJIŻ JIPPARTEĊIPAW FIL-KOMPETIZZJONI U L-FESTIVAL INTERNAZZJONALI TAL-KORIJIET TA’ MALTA

PR1275
Date Icon 22/09/2006

Il-Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Malta tal-Korijiet – Festival ta’ Mużika Sagra u Sekulari ser jinżamm f’Malta bejn id-9 u it-12 ta’ Novembru.

L-organizzazzjoni ta’ din l-attività qed issir bi sħab bejn il-Fondazzjoni Interkultur, assoċjazzjoni li tispeċjalizza fl-organizzazzjoni ta’ festivals tal-korijiet madwar id-dinja, u l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura.

Iċ-ċerimonja tal-ftuħ ser isir fil-belt Valletta nhar il-Ħamis, 9 ta’ Novembru   fis-6.00 pm. Il-korijiet li ser jipparteċipaw ser jiltaqgħu Bieb il-Belt minfejn  ser jimmarċjaw f’parata kkulurita min Triq ir-Repubblika, Triq San Ġwann, il-Barrakka ta’ Fuq u lura lejn il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura fejn jintlaqgħu mill-Onor Dr Francis Zammit Dimech, Ministru għat-Turiżmu u Kultura.

Il-Ġimgħa u s-Sibt 10 u 11 ta’ Novembru jsiru fil-Knisja ta’ San Duminku u fl-Università l-Qadima l-Belt, il-kompetizzjonijiet tal-kategoriji differenti ta’ korijiet. Il-Ħamis, il-Ġimgħa u s-Sibt 9, 10 u 11 ta’ Novembru, fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran ser jittellgħu workshops dwar l-aspetti differenti tal-mużika korali u kant. Il-Ġimgħa u s-Sibt 10 u 11 ta’ Novembru dawk il-korijiet li ma jkollhomx attivitajiet oħra se jtellgħu kunċerti ta’ ħbiberija f’Misraħ il-Ħelsien u Misraħ ir-Repubblika (Pjazza Reġina) fil-belt Valletta. Il-Ħadd 12 ta’ Novembru filgħodu korijiet ser jieħdu parti u jkantaw waqt il-quddies fi knejjes differenti ta’ Malta.

Il-Ġimgħa 10 ta’ Novembru fil-Konkatidral ta’ San Ġwann ser tittella’ Ċerimonja tal-Paċi fejn il-korijiet li qed jipparteċipaw jitolbu u jkantaw flimkien għall-paċi. Is-Sibt 11 ta’ Novembru fis-7.30 pm ser jittella’ Gala Concert fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran. Matul dan il-kunċert l-Orkestra Nazzjonali, bil-parteċipazzjoni ta’ uħud mil-korijiet li ser jieħdu sehem fil-festival, ser tesegwixxi mużika l-aktar ta’ kompożituri Maltin. Il-Ħadd filgħaxija fil-5.00 pm, l-aħħar lejl, ser ikun hemm ċerimonja ta’ l-għoti tal-premjijiet fiċ-Ċentru tal-Konferenzi tal-Mediterran.

F’dan il-Festival ser jipparteċipaw 22 kor mid-Danimarka, Fillandja, Franza, Ġermanja, Greċja, Ungerija, Israel, Italja, Polonja, Russja, Slovenja, Ċina, Ukrajna, Sveżja u Malta. Dawn ser jikkompetu fi ħdax-il kategorija differenti ta’ mużika sagra, sekulari u folk.

Il-ġurija ta’ seba’ ġurati internazzjonali ser tkun responsabbli mill-klassifikazzjoni fl-livelli ta’ deheb, fidda u bronz tal-korijiet li ser jipparteċipaw. Il-klassifika ser issir skond kriterji ta’ Musica Mundiaddottati mill-Interkultur matul il-kompetizzjonijiet minn korijiet. Tlieta mill-ġurati li huma personilitajiet rinomati, ser imexxu s-seminars dwar suġġetti differenti ta’ mużika korali. Dawn il-personilitajiet jinkludu lil Sir David Wilcocks ta’ 86 sena, l-espert leġġendarju Ingliż tal-korijiet li fost il-ħafna esperjenzi prestiġġjużi tiegħu, kien responsabbli għall-mużika tal-koronazzjoni tal-Majestà Tagħha r-Reġina Eliżabetta.

Għal dawn l-attivitajiet l-pubbliku in ġenerali hu mistieden li jipparteċipa. Membri Maltin ta’ korijiet differenti huma mistiedna li jipparteċipaw, speċjalment fis-seminars li ser jsiru tul il-festival, anke biex itejbu t-teknika tagħhom.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda l-Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Malta tal-Korijiet – Festival ta’ Mużika Sagra u Sekulari waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fil-Ministeru.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li 17 il-sena minn mindu bdiet tkun organizzata, il-Kompetizzjoni Internazzjonali ta’ Malta tal-Korijiet qed tingħata sura ġdida permezz tal-kompetizzjoni internazzjonali. Hu qal li l-libsa l-ġdida għandha tkun aktar popolari mhux biss għaliex hemm aktar kategoriji iżda wkoll għaliex il-korijiet ser ikollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’workshops, kunċerti f’lokalitajiet differenti u kant fi knejjes waqt servizzi reliġjużi.

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-politika tal-Gvern kienet li l-kultura titressaq dejjem aktar lejn il-poplu. Hu qal li permezz ta’ dan il-festival u kompetizzjoni l-pubbliku Malti qed jingħata l-opportunità li jsegwi korijiet minn 15-il pajjiż differenti.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-festivals internazzjonali jikkontribwixxu wkoll lejn it-titjib tal-prodott turistiku. Hu qal li qed nikkompetu ma’ numru ta’ pajjiżi li qed joffru prodott orħos minn tagħna u għalhekk ridna nikompetu fil-kwalità.

Il-Ministru tat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-Fondazzjoni Interkultur  għall-appoġġ tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ dan il-festival u lil Dun Ġwann Galea li kien il-mutur wara din l-inizjattiva.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow