Left arrow Go Back

LANĊA TA’ L-IRMONK ĠDIDA GĦALL-KUMPANIJA TUG MALTA

PR1264
Date Icon 20/09/2006

Il-Ministru għall-Industrija, Investimenti u Teknoloġija ta’ l-Informazzjoni, Austin Gatt il-bieraħ ippresieda ghall-inawgurazzjoni u l-kummissjonar ta’ lanċa ta’ l-irmonk ġdida tal-kumpanija Tug Malta. Huwa spjega li din l-okkażjoni mportanti qed issir f’mument kruċjali għall-kumpanija Tug Malta. Dan għaliex ingħata bidu għall-proċess ta’ privatizzazzjoni tal-istess kumpanija. Fil-fatt saret Sejħa għall-Interess li kienet ippublikata fl-10 ta’ Settembru. Din is-sejħa ser tibqa’ miftuħa sal-25 ta’ dan ix-xahar.

Il-kummissjonar ta’ din il-lanċa sar ftit xhur wara li lanċa oħra ġdida bl-isem Pawlina (imsemmija għal San Pawl, il-patrun tan-naħa tal-Belt tal-Port il-Kbir), u issemmiet Wenzina għal San Lawrenz, il-patrun ta’ tan-naħa tal-Birgu tal-Port il-Kbir.  

Il-Ministru Austin Gatt spjega li l-proċess ta’ privatizzazzjoni hu żvilupp naturali għat-Tug Malta. L-irmonk kien f’idejn il-privat sa l-1980 meta kien nazzjonalizzat. Sa l-aħħar tas-snin tmenin, ix-xogħol ta’ l-irmonk kollu kien isir fil-Port il-Kbir u l-flotta kienet kollha hawn. Meta beda l-Port Ħieles kien hemm bżonn ta’ investiment f’bastimenti tal-irmonk (tugs) ġodda u t-Tug Malta wżat il-fondi tagħha  biex xtrat il-Vitorin u l-Grez. Issa wasal iż-żmien għal espansjoni f’attivitajiet ġodda li jinkludu operazzjonijiet ta’ salvataġġ internazzjonali u l-irmonk f’portijiet fir-reġjun. 

Biex il-kumpanija tespandi aktar, hemm bżonn investiment akbar b’riskju li għall-bidu kien sostanzjali. Il-Gvern jippreferi ma jieħux dan ir-riskju b’fondi pubbliċi u minflok jattira l-investiment privat. 

Il-privatizzazzjoni hija wkoll imnebbħa mit-twemmin tal-Gvern li fejn m’hemmx bżonn jindaħal hu, l-ekonomija titmexxa mill-privat. Il-privatizzazzjoni hi opportunità biex jittejjeb il-livell ta’ kompetenza u servizz, u allura l-kompetittività ta’ Malta. Dan niksbuh billi ma nattirawx sempliċi investiment: iżda investiment strateġiku. Il-Ministru Austin Gatt qal li m’aħniex interessati f’xi ħadd li jrid iżomm l-affarijiet kif inhuma u jpoġġi fuq il-qliegħ. “Irridu ‘l xi ħadd li jrid ikabbar ‘il din l-ażjenda f’fus għar-reġjun tal-Mediterran.” 

Il-Ministru Gatt fisser kif il-kumpanija Tug Malta qed tirnexxi. Minn telf fl-2004, fl-2005 irreġistrat qliegħ ta’ Lm671,000 u din is-sena se żżomm l-istess livelli. Minn dan felħet tiffinanzja l-investiment li għamlet s’issa. 

Il-Ministru Austin Gatt tenna li jemmen li t-Tug Malta tista’ tkun fus marittimu fil-Mediterran u tkun ħolqa oħra fit-titjib ta’ l-attrazzjoni u l-kompetittività reġjonali tal-portijiet Maltin bħal m’huma s-servizzi ġodda tat-Tarzna u l-Freeport privatizzat u li għaddej minn proċess t’espansjoni. 

Il-lanċa ta’ l-irmonk ġiet mgħammda mis-Sinjura Marisa Gatt, mart il-Ministru Austin Gatt, filwaqt li tbierket mill-Kanonku Joe Caruana, Arċipriet tal-parroċċa ta’ San Lawrenz fil-Birgu.  

Id-diskors tac-Chairman tal-kumpanija John E. Sullivan huwa mehmuż.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow