MIEXI ĠMIELU X-XOGĦOL FUQ IS-SIT TAL-‘PARK AND RIDE’ FIL-BLATA L-BAJDA
Ix-xogħol fuq is-sit minn fejn ser tibda topera l-iskema tal-Park and Ride qabad ritmu mexxej, hekk kif fil-ġimgħat li għaddew tlesta t-tindif ta’ Crown Works Ditch u Horn Works Ditch.
Waqt żjara li għamel fis-sit fil-Blata l-Bajda, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li x-xogħol miexi skond l-iskeda sabiex il-Park and Ride ikun jista’ jibda jopera matul ix-xahar id-dieħel.
“L-iżvilupp ta’ dan is-sit huwa ħolqa kruċjali biex jitwettaq il-pjan tal-Gvern sabiex il-Belt Valletta issir aktar aċċessibbli għal kulħadd,” qal il-Ministru Mugliett.
Huwa spjega li, bħal ma kien tħabbar f’Lulju, il-Park and Ride ser jitħaddem mill-Awtorità dwar it-Trasport (ADT) u ser ikun qed jopera b’xejn sabiex jagħmel l-għażla li wieħed ma jidħolx il-Belt bil-vettura tiegħu, iktar attrajenti.
“Ix-xogħol li qed naraw illum huwa parti minn dak li qed isir madwar is-sit kollu sabiex dan jitlesta għall-użu bħala parkeġġ. Il-kuntratt b’valur ta’ madwar Lm250,000 jkopri ix-xogħlijiet ċivili kollha fosthom il-bini ta’ bankini, kurduni, tqegħid ta’ pajpijiet għas-servizzi varji, kif ukoll l-asfaltar tal-wiċċ. Ma’ dawn iridu jiżdiedu l-ispejjeż li laħħqu il-Lm15,000 biex is-sit tnaddaf mit-terrapien kollu li ntefa’ fih abbużivament fl-aħħar snin, kif ukoll biex twaqqgħu strutturi li hemm madwar is-sit li m’għandhom ebda valur storiku u li kienu nbnew mal-fortifikazzjonijiet.
“B’kollox tneħħew mat-12,600 tunellata ta’ skart u materjal ta’ kostruzzjoni – ekwivalenti għal kważi 670 vjaġġ ta’ trakk,” qal il-Ministru.
Hu żied jgħid li meta wieħed jikkunsidra il-Lm140,000 li ntużaw biex jittejbu t-tliet junctions li ser jibdew jintużaw biex wieħed jidħol fil-Park and Ride, l-investiment li mar f’dan il-proġett jiżboq l-Lm400,000.
Mat-tlestija ta’ dawn ix-xogħlijiet infrastrutturali jkun għad fadal xogħlijiet ulterjuri minuri xi jsiru, fosthom l-upgrading ta’ binjiet eżistenti li ser ikunu qed jintużaw bħala uffiċini għall-amministrazzjoni u jinżebgħu il-line markings. L-Enemalta u l-Environemental Landscapes Consortium ser ikunu qed jieħdu ħsieb id-dawl u l-landscaping tas-sit kollu rispettivament.
Intant, l-Awtorità dwar it-Trasport aktar kmieni dan ix-xahar ħarġet sejħa għall-interess għall-installazzjoni u manutenzjoni tal-ħames shuttle bus stops u shelters li ser ikun hemm mifruxin madwar Crownworks u Hornworks.
Għaddejjin ukoll taħdidiet ma’ l-operaturi li ntgħażlu biex iħaddmu is-servizz tax-shuttle buses lejn il-Belt Valletta għall-ewwel ftit xhur li tkun qed titħaddem l-iskema tal-Park and Ride. Dan l-element eventwalement ukoll ser jibda jkun operat direttament mill-ADT.
Fi tmiem iż-żjara fuq is-sit, il-ġurnalisti preżenti ttieħdu biex jaraw ir-rotta li ser ikunu qed jgħaddu minnha ix-shuttle buses bejn il-Blata l-Bajda u s-sit tat-Teatru Rjali fil-Belt Valletta. Tqassam ukoll fuljett li ser ikun qed jitqassam mill-Awtorità dwar it-Trasport dwar mistoqsijiet komuni li l-pubbliku jista’ jkollu dwar il-Park and Ride, fosthom il-frekwenza tax-shuttle buses f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.
Il-Park and Ride ser ikun miftuh 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa u ser ikun jiflaħ mad-950 vettura.
Is-servizz tax-shuttle buses ser jitħaddem mis-sitta ta’ filgħodu sas-siegħa ta’ filgħodu. L-istennija massima għal shuttle bus waqt il-peak hours ser tkun ta’ 4-5 minuti. L-istennija massima fil-ħinijiet l-oħra kollha ser tkun ta’ 10 minuti. Rotot speċjali ser ikunu qed joperaw wara d-disgħa ta’ filgħaxija.
F’kelmtejn ta’ l-aħħar, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq wera ruħu fiduċjuż li l-iskema Park and Ride ser ikun popolari mal-pubbliku, indipendentement mit-tħaddim tas-sistema ta’ aċċess kontrollat għall-vetturi fil-Belt Valletta.
“Mhux biss ser inkunu qed noffru parkeġġ aċċessibbli u b’xejn għal kulħadd, iżda kulħadd ser ikun jista’ igawdi wkoll belt kapitali b’inqas traffiku, anqas tniġġiż ta’ l-arja u ambjent ġenerali aħjar,” temm jgħid il-Ministru.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958