Left arrow Go Back

SKOLA SEKONDARJA ĠDIDA F’GĦAWDEX - INVESTIMENT TA’ LM3 MILJUN

PR1254
Date Icon 17/09/2006

Il-kumpless edukattiv li preżentament huwa okkupat mill-unika skola junior lyceum u sekondarja tas-subien f’Għawdex, miċ-Ċentru ta’ l-Eżamijiet ta’ Għawdex u mis-Sala Ninu Cremona se jiġi żviluppat mill-ġdid permezz ta’ proġett infrastrutturali ta’ bini ta’ faċilitajiet edukattivi moderni. Il-proġett, b’investiment ta’ madwar Lm3miljun qed jitwettaq mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS) u għandu jkun implimentat fi żmien tlett snin, suġġett għall-approvazzjoni tal-permessi neċessarji mill-Awtorita’ Maltija ta’ l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). 

Dan qalitu dalgħodu l-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret flimkien mal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea, fejn tħabbru l-pjanijiet tal-Gvern għal proġetti kapitali ta’ bini u modernizzar ta’ l-iskejjel tal-Gvern f’Għawdex. Il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni ser iwettaq il-pjan permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS). Għall-konferenza ta’ l-aħbarijiet attendew ukoll is-Sur Frank Gatt, Kordinatur tal-Kulleġġ t’Għawdex, is-Sur Ray Fenech u s-Sur Charles Farrugia, Chairman u General Manager ta’ l-FTS rispettivament, is-Sur Joseph Micallef, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għal Għawdex, u s-Sinjura Joyce Dimech, Direttur Customer Services (Ministeru għal Għawdex).  

Il-Ministru Louis Galea irringrazzja lill-Ministru Giovanna Debono u lill-awtoritajiet ta’ l-edukazzjoni f’Għawdex għall-entużjażmu u l-impenn tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ l-istrateġija mħabbra fid-dokument Biex Uliedna Jirnexxu Lkoll, li ġie msaħħaħ bil-framework legali mill-Parlament Malti f’Lulju li għadda. “Jiena konvint li l-istudenti kollha fl-iskejjel tal-Gvern, issa bħala parti mill-Kulleġġ t’Għawdex, se jibbenefikaw minn qabża kbira ‘l quddiem fil-kwalita’ tas-servizzi edukattivi mogħtija. Il-ġenituri u l-għalliema ser ikollhom sodisfazzjon ikbar minħabba t-titjib fil-kwalita’ ta’ l-edukazzjoni għal uliedhom u l-istudenti tagħhom. Aħna ser nikkumplimentaw dan kollu billi niżguraw li l-iskejjel tal-Gvern jipprovdu ambjent fiżiku sabiħ, attraenti u effettiv kif ukoll jipprovdu l-għodda edukattivi kollha neċessarji għal skejjel smart ta’ għada”.  

Il-Ministru Debono qalet li l-Ministeru għal Għawdex ilu jwettaq xogħlijiet infrastrutturali biex itejjeb l-ambjent fiżiku fl-iskejjel t’Għawdex fuq bażi kontinwa u dan bħala parti minn programm ta’ xogħlijiet li l-Ministeru għal Għawdex kien fassal fl-1999 wara li sar stock-take tal-bżonnijiet individwali ta’ l-iskejjel. Il-Ministru Debono qalet li waqt diskussjonijiet regolari mal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni u mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, ittieħdet id-deċiżjoni li jsir proġett kapitali kbir fil-kumpless tal-liċeo Ninu Cremona minħabba n-natura estensiva ta’ xogħlijiet ta’ tisbiħ u modernizzar li kienu meħtieġa f’din l-iskola biex tipprovdi ambjent modern li jistimola t-tagħlim. Kien għalhekk li ġie deċiż li tinbena skola ġdida minflok tiġi modernizzata l-iskola eżistenti. Dan se jkun l-ewwel proġett li se jitwettaq fil-campus eżistenti ta’ l-iskejjel sekondarji u post-sekondarji t’Għawdex. Iktar proġetti għall-immodernizzar ta’ l-iskola sekondarja tal-Bniet u tas-Sixth Form t’Għawdex jingħataw bidu hekk kif jasal fi tmiemu l-proġett tal-bini ta’ l-iskola tas-subien. FTS se tidħol għal iktar proġetti ta’ modernizzar ta’ skejjel oħra primarji f’Għawdex fuq firxa ta’ snin. 

Il-Ministru Debono qalet li l-kobor ta’ dan il-proġett huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu għall-edukazzjoni f’Għawdex. L-iskola l-ġdida se tkun mibnija fuq erba’ sulari ‘l fuq mil-livell tat-triq u tinkorpora fiha 45 klassi, 9 laboratorji tax-Xjenzi, 6 workshops tat-Teknoloġija, 4 laboratorji tal-computers, art rooms, klassijiet għall-Home Economics, klassi għan-Needlework, klassijiet għall-Graphical Communications, Resource rooms u faċilitajiet edukattivi moderni fosthom kmamar għall-guidance, Librerija u spazji miftuħa li jistgħu jiġu wtilizzati għall-ħtiġijiet ta’ l-iskola u tal-komunita.  

L-iskola ser tkun tista’ takkomoda sa massimu ta’ 1,000 student u se tinkludi inizjattivi li jutilizzaw sorsi ta’ enerġija naturali fosthom permezz ta’ sun pipes biex jiddawlu l-kuriduri, kif ukoll sistema ta’ enerġija solari li tiġi installata fuq il-bejt ta’ l-iskola. L-iskola ser ikollha footprint ta’ madwar 3,300m2b’total ta’ spazju ta’ madwar 13,000m2. 

L-iskola l-ġdida ser ikollha wkoll parkeġġ ta’ żewġ sulari mibnija taħt l-art li jakkomoda madwar 700 karozza. Dan il-parkeġġ se jilqa’ għad-domanda ta’ spazju tat-tlett skejjel fil-viċin kif ukoll għad-domanda mill-pubbliku. 

Il-proġett se jinkludi wkoll grawnd tal-futboll 7-a-side kif ukoll athletics’ track ta’ 200m li se tintuża mill-iskola waqt il-ħinijiet ta’ l-iskola imma wkoll mill-komunita’ waqt ħinijiet oħra. B’hekk din il-faċilita’ tkun qed tikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi l-oħra li joffri l-Kumpless Sportiv t’Għawdex. 

Id-daħla ta’ l-iskola l-ġdida ser tkun mit-triq li bħalissa sservi bħala triq sekondarja għall-iskola. B’hekk l-iskola l-ġdida tkun eqreb tal-Kumpless Sportiv t’Għawdex. Ser tinħoloq triq ġdida li tgħaqqad lil Triq Fortunato Mizzi ma’ Triq l-Ewropa sabiex isservi bħala post fejn fih jidħlu l-coachesli jipprovdu trasport lit-tliet skejjel biex hekk ikunu jistgħu jtellgħu u jniżżlu l-istudenti ‘l ġewwa mill-bibien ta’ l-iskola. B’hekk jiżdiedu l-miżuri ta’ sigurta lill-istudenti u tiġi eliminata darba għal dejjem l-inkonvenjenza li tinħoloq ta’ kuljum fit-toroq residenzjali tal-madwar minħabba n-numru ta’ coachesli jkunu qed jipprovdu t-trasport lill-istudenti. 

Il-Ministru Debono qalet li dan il-proġett iżomm fuq quddiem nett l-interessi ta’ l-istudenti għaliex ser jipprovdilhom faċilitajiet state-of-the-art li jħarsu lejn kwalita’, sigurta’, ambjent tajjeb u standards ta’ kumdita’. Il-Ministru Debono qalet li l-kumpless edukattiv il-ġdid ser iżid l-ispazji disponibbli għall-istudenti, bid-daqs tal-klassijiet li se jkun darba u nofs ikbar minn dawk eżistenti u bid-daqs tal-laboratorji tal-computers ikun darbtejn dawk tal-lum. L-iskola l-ġdida ser ikollha iktar laboratorji tax-xjenzi filwaqt li se jiżdied l-ispazju għal servizzi edukattivi moderni bħall-korsijiet tat-teknoloġija, u iktar spazji rikreattivi. Il-ħtiġijiet tas-sigurta ser jingħataw prijorita’ b’mod partikolari bil-ħolqien tat-triq għall-użu mit-trasport ta’ l-iskola, filwaqt li ħtiġijiet ta’ aċċessibilita’ jibqgħu ewlenin. 

Il-Ministru Debono rreferiet b’mod partikolari għat-tqassim ta’ l-implimentazzjoni tal-proġett, li se jkun maqsum fi tlett fażijiet biex jimminimizza kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għall-istudenti u l-għalliema. L-impatt fuq l-iskola fil-fatt ser ikun ftit li xejn għaliex l-ewwel fażi ser tkun tikkonsisti fil-bini ta’ parti mill-iskola fi spazju li llum mhux qed jintuża għall-iskola sekondarja. Dan ifisser li s-sena akkademika timxi kif ippjanata mingħajr ma l-iskola jkollha l-ħtieġa li ssib post alternattiv. Hekk kif jintemm ix-xogħol fuq l-ewwel blokk, il-klassijiet ikunu jistgħu jidħlu fil-parti l-ġdida filwaqt li jibda x-xogħol fuq it-twaqqiegħ ta’ l-iskola eżistenti u l-bini tat-tieni u t-tielet fażijiet. 

L-Onor. Giovanna Debono qalet li dan il-proġett ser ikun proġett ieħor sinjifikanti għal Għawdex hekk kif il-Gvern qiegħed għal darb’oħra juri l-impenn tiegħu lejn il-qasam ta’ l-edukazzjoni li huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tal-ħidma tal-Gvern, flimkien ma’ l-ekonomija u l-ambjent. Il-proġett ser jikkumplimenta opportunitajiet edukattivi oħrajn li qed jiġu ntrodotti f’Għawdex kif ukoll proġetti oħra b’kofinanzjament ta’ l-Unjoni Ewropea fosthom il-proġett ta’ estensjoni għaċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem u t-twaqqif ta’ Faċilita’ għat-Taħriġ fl-Industrija Turistika fil-Qala. Dawn iċ-ċentri l-ġodda jiffurmaw parti mill-pjan tal-Gvern li jkompli jinvesti b’mod strateġiku f’Għawdex f’dawk l-oqsma li l-iktar jistgħu jħallu riżultati pożittivi għall-komunita’ u għall-ekonomija tal-gżira. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow