SAJJIEDA JIBBENEFIKAW MINN PROĠETT TA’ €2 MILJUN GĦALL-MANUTENZJONI TAD-DGĦAJJES
Sal-bidu tas-sena d-dieħla s-sajjieda Maltin se jkunu qed jibbenefikaw mill-proġett ta’ hard standing facility f’Marsaxlokk li l-iskop tiegħu huwa li jiffaċilita l-ħajja ta’ l-istess sajjieda, li kull sena jeħtiġilhom jagħmlu xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom.
Il-proġett, fil-Ponta tal-Qrejten ta’ Marsaxlokk u li se jiswa madwar €2 miljun, se jkun jikkonsisti f’reklamazzjoni tal-baħar biex jiġi rranġat is-sit fejn qed tinbena l-faċilità u x-xiri ta’ żewġ krejnijiet biex itellgħu l-bastimenti fuq l-art mingħajr tbatija għas-sajjieda. B’kollox is-sit jippermetti li fuq l-art jista’ jkun hemm sa żewġ fillieri ta’ bastimenti kbar, jiġifieri madwar 16-il bastiment ta’ 22 metru, fl-istess ħin, fejn is-sajjieda jkunu jistgħu jagħmlu l-manutenzjoni fuqhom, huma stess.
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi li, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Biedja u s-Sajd Frans Agius, il-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta Joanna Drake u uffiċjali mid-Dipartiment tas-Sajd, żaru x-xogħlijiet liqed isiru, qal li “dan kollu jikkonferma l-impenn tal-Gvern fis-settur lokali tas-sajd biex sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu kompetittivi ma’ sħabhom l-oħra Ewropej u biex il-qasam tas-sajd ikun iktar sostenibbli.”
Dr Tony Gruppetta, uffiċjal għoli fid-Dipartiment tas-Sajd. Qal li “s’issa, ġo Marsaxlokk u madwar il-kosta ta’ Malta, ma kienx hawn spazju biżżejjed u faċilitajiet biex laneċ ta’ ċertu daqs jittellgħu l-art. Għaldaqstant, għal numru ta’ laneċ tas-sajd, speċjalment il-kbar nett, kien iktar konvenjenti u irħas li jmorru Sqallija milli jiġbdu l-bastimenti tagħhom f’xi shipyard kummerċjali f’Malta. Ir-raġuni hi li meta s-sajjieda jiġbdu l-bastiment, dawn jisfaw bla xogħol u għalhekk jagħmel sens li la ma jkollhomx x’jagħmlu, jixkatlaw u jiżbgħu l-bastiment tagħhom huma stess. Dan ifisser li jnaqqsu l-ispiża tal-manutenzjoni tal-bastimenti tagħhom.”
“Meta wieħed iqis li l-bastimenti ta’ l-injam jinġibdu darbtejn fis-sena u dawk tal-ħadid jew fiberglassjinġibdu darba fis-sena biex jinxfu, jinbarxu, jissewwew u jinżebgħu, l-ispiża tal-manutenzjoni tista’ tkun għolja,” qal Dr Gruppetta.
Sa 75% tal-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Financial Instrument for Fisheries Guidance (FIFG) u 25% mill-Gvern Malti.
Ix-xogħol huwa maqsum fi tnejn:
a) Tender wieħed jinvolvi l-kostruzzjoni tal-pjan wara r-reklamazzjoni tal-baħar. Dan il-pjan huwa ta’ 6,500 metru kwadru u x-xogħol fuqu mistenni jieħu tliet xhur.
b) It-tender l-ieħor huwa għax-xiri ta’ żewġ krejnijiet speċjali biex jerfgħu l-bastimenti. Wieħed minn dawn, li jerfa’ dgħajjes pjuttost żgħar u mdaqqsin sa 40 tunnellata ta’ piż, jista’ jitniżżel fl-ilma, tidħol id-dgħajsa fih u jitla’ b’kollox minn fuq waħda mis-slipways eżistenti. Il-krejn l-ieħor jerfa’ bastimenti kbar, sa piż ta’ 260 tunnellata. Għal dan il-krejn, il-proġett jinkludi żewġ mollijiet imbegħdin 9 metri biex il-krejn jerfa’ d-dgħajsa minn bejniethom. Dawn il-krejnijiet għandhom jaslu fl-aħħar ta’ Novembru li ġej u f’Jannar tas-sena d-dieħla.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958