IKTAR KORSIJIET GĦALL-ADULTI F’GĦAWDEX
Mix-xahar id-dieħel f’Għawdex ser jingħataw iktar korsijiet b’xejn għall-adulti ta’ iktar minn sittax-il sena u li huma residenti f’Għawdex.
Ħdax-il kors fl-artiġjanat qed jiġu offruti bħala parti mill-proġett tal-Ministeru għal Għawdex intitolat ‘Korsijiet fl-Artiġjanat għal Karrieri Sostenibbli f’Għawdex’, b’ko-finanzjament tal-Fond Soċjali Ewropew taħt il-Programm ta’ Fondi Strutturali għal Malta 2004-2006.
L-għan ta’ dan il-proġett huwa li jipprovdi opportunitajiet lill-parteċipanti biex jakkwistaw ħiliet marbuta mal-produzzjoni ta’ xogħol artiġjanali ta’ kwalita’ permezz ta’ taħriġ hands-on u ħiliet marbuta man-negozju, bl-użu ta’ metodi u makkinarju modern.
Għawdxin, Maltin u ċittadini ta’ l-Unjoni Ewropea residenti f’Għawdex u li għandhom sittax-il sena jew iktar, jistgħu japplikaw għal kors jew iktar mill-ħdax li qed jiġu offruti. Il-korsijiet ser jingħataw miċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem. Il-korsijiet offruti huma:
- Metal works
- Decorative woodwork
- Decorative stonework
- Toy making
- Leather works
- Ceramics
- Miniature porcelain
- Glass works
- Fashion design
- Integration of lace in fashion design
- Silversmith
Il-formoli ta’ l-applikazzjoni mimlija, għandhom jaslu għand iċ-Ċentru ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri sa mhux iktar tard mill-Ġimgħa 15 ta’ Settembru. Minbarra l-korsijiet ‘Metal works’ u ‘Decorative woodwork’, ser jiġu offruti dawk l-iktar ħames korsijiet minn disgħa li għalihom ikun hemm l-iktar applikazzjonijiet. Fil-każ li jkun hemm korsijiet li għalihom jaslu iktar applikazzjonijiet milli permessi, jintlaqgħu dawk l-applikazzjonijiet fuq bażi ta’ first-come, first-served.
Din hija t-tieni sejħa għal korsijiet fl-artiġjanat organizzati f’Għawdex permezz ta’ dan il-proġett. Iktar kmieni din is-sena nżammu tmien korsijiet fl-artiġjanat. Il-qasam ta’ l-artiġjanat f’Għawdex qed jingħata prijorita’ kbira anke permezz tal-proġett tal-Ministeru għal Għawdex, bl-investiment ta’ €850,000 li qed isir permezz tal-Fond għal Żvilupp Reġjonali Ewropew. Il-proġett jikkonsisti fl-estensjoni ta’ l-istess Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat u t-twaqqif ta’ l-ewwel Incubation Centre għall-artiġjanat f’Għawdex.
Għal iktar informazzjoni dwar il-korsijiet fl-artiġjanat wieħed jista’ jċempel l-istess ċentru fuq 21551493 jew jibgħat email fuq gozo.art.sch@gov.mt
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958