NUQQAS TA’ SERJETA MILL-KELLIEM TA’ L-OPPOŻIZZJONI DWAR L-AFFARIJIET BARRANIN
Il-Kelliem Ewlieni ta’ l-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin, l-Onor Leo Brincat, qed juri nuqqas ta’ serjeta’ kull meta jistaqsi mistoqsijiet li jkun diġa’ jaf it-tweġibiet tagħhom.
Jumejn ilu, l-Onorevoli Leo Brincat ħareġ stqarrija dwar is-sehem ta’ Malta fil-Konferenza ta’ Stokkolma dwar il-Libanu u dwar il-kontribuzzjoni finanazjarja ta’ Malta għar-rikostruzzjoni ta’ dan il-pajjiż. Il-bieraħ, l-Onor Brincat ħareġ stqarrija oħra biex jagħti hu stess it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li għamel fl-istqarrija ta’ jumejn ilu.
Dan juri nuqqas ta’ serjeta’ mill-Onor Brincat. Ikun ferm aħjar jekk l-Oppożizzjoni timpenja ruħha biex toħroġ b’ideat kostruttivi milli biex sempliċiment taħli l-ħin tal-Gvern biex issemma’ leħinha b’mod fieraħ.
Waqt il-konferenza ta’ Stokkolma, Malta kienet rappreżentata mill-Ambaxxatur Noel Buttigieg Scicluna. Fl-istess Konferenza, Malta offriet Lm10,000 għar-rikostruzzjoni tal-Libanu. Dan l-ammont, jirrappreżenta 11% tal-budget tal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin għal Development. Fis-snin ta’ qabel, il-budget għal Development kien biss terz dak li hu llum – Lm30,000 - iżda fid-dawl ta’ l-Overseas Development Policy, inħass il-bżonn li dan l-ammont jiżdied sostanzjalment, bi 300%.
L-Onor Brincat naqas mir-rispett lejn l-Ambaxxatur Buttigieg Scicluna meta fl-istqarrija tiegħu irrefera għall-parteċipazzjoni ta’ l-Ambaxxatur fil-laqgħa ta’ Stokkolma bħala “Malta kienet rappreżentata….sempliċiment fuq livell ta’ Ambaxxatur”. Il-fatti huma li l-Ambaxxatur Buttigieg Scicluna ntbagħat mill-Ministeru biex jirrappreżenta lil Malta fil-Konferenza, peress li s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, li kienet se tipparteċipa fil-Konferenza, sfat indisposta fl-aħħar mument. Fid-diplomazija, il-kariga ta’ Ambaxxatur titqies bħala kariga għolja ħafna, prestiġjuża u li jistħoqqilha kull rispett.
Jidher li l-Onor Brincat ma jafx b’dawn il-fatti u għalhekk huwa nuqqas ta’ serjeta’ li jippublika stqarrijiet bħal dawn.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958