IL-PRIM MINISTRU JIPPARTEĊIPA FIL-KUNSILL TAL-MINISTRI TA’ L-AFFARIJIET EKONOMIĊI U L-FINANZI TA’ L-UNJONI EWROPEA U S-SUMMIT TA’ L-ASJA U L-EWROPA
Illum il-Prim Ministru Dr Lawrence Gonzi se jħalli Malta għall-Finlandja fejn se jipparteċipa fil-Kunsill tal-Ministri ta’ l-Affarijiet Ekonomiċi u l-Finanzi ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll is-Summit bejn l-Asja u l-Ewropa, ASEM.
It-tema tas-summit, ‘10 snin ta’ ASEM: Sfidi Globali – Tweġibiet Konġunti’ tfakkar l-għaxar anniversarju mill-proċess tal-ko-operazzjoni ASEM u tirrifletti objettivi komuni u żviluppi globali. Fis-summit se jipparteċipaw il-mexxejja ta’ 38 pajjiż Asjatiku u Ewropew kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea li se jiddiskutu temi importanti li jvarjaw minn sfidi politiċi kruċjali sat-tisħiħ ta’ ko-operazjoni ekonomika. Is-summit se jindirizza wkoll ir-rwol ta’ l-innovazzjoni, ix-xjenza u t-teknoloġija bħala mezzi ta’ kif tissaħħaħ il-kompetittivita`.
Matul is-summit ta’ l-ASEM, il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat mir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea, Richard Cachia Caruana, l-Ambaxxatur Noel Buttigieg Scicluna, l-Assistent Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru, Leonard Callus, is-Segretarja tal-Media u l-Komunikazzjoni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Josephine Vassallo, u Uffiċjal Għoli mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, Jesmond Schembri. Għall-ECOFIN, il-Prim Ministru se jkun akkumpanjat ukoll mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Finanzi, Tonio Fenech, il-Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta, Michael Bonello u s-Segretarju Parmanenti fil-Ministeru tal-Finanzi, Alfred Camilleri.
Il-Prim Ministru huwa mistenni lura Malta nhar it-Tnejn 11 ta’ Settembru.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958