TISBIĦ TA’ PROMENADE F’GĦAR ID-DUD
Ħidma ntensiva f’tisbiħ u bini mill-ġdid ta’ Promenades madwar ix-xtut ta’ pajjiżna.
L-impenn tal-Gvern favur it-titjib u t-tisbiħ ta’ l-ambjent infrastrutturali ta’ pajjiżna jkopri mhux biss l-aspett urban iżda jinkludi wkoll zoni fejn il-pubbliku u t-turist li jżurna jkun jista’ jgawdi l-pjanuri viċin ix-xtut tagħna. Ix- xogħol li sar fl-aħħar snin f’postijiet simili u f’bini u tisbiħ ta’ promenades, juri li l-Gvern bis-serjeta għandu viżjoni sabiex pajjiżna jkun isbaħ u aħjar. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit waqt żjara li għamel f’Għar id-Dud fejn bħalissa qed isir xogħol fuq il-promenade minn Għar id-dud sa Qui Si Sana.
Dawn ix-xogħlijiet setgħu jinbdew wara li fix-xhur li għaddew twaqqgħu strutturi li kienu fi stat ta’ periklu. Dawn kienu jikkonsistu fi twaqqigħ ta’ l-ex Chalet u tal-Jumbo Lido. Wara li tneħħa kull periklu u l-area tal-Jumbo Lido ġiet ikkonvertita f’zona li tista’ titgawda mill-pubbliku, kien jonqos li jsir mill-ġdid il-promenade li jgħaqqad mal-Front ta’ Tas-Sliema.
Il-Ministru Ninu Zammit spjega li ix-xogħlijiet fuq dan il-promenade jikkonsistu fit-tiswija tal-ħajt li jifred il-promenade minn max-xatt, li l-biċċa l-kbira minnha se tiġi mibnija mill-ġdid minħabba li għandha ħsarat konsiderevoli. Wara li jinbena l-ħajt ser isir sottobank bil-bollards tal-konkos biex fuqu jkun jista’ jeħel railing tal-ħadid galvanizzat. Minħabba ċ-ċirkustanzi tal-post inħasset il-ħtieġa li dan ix-xogħol isir fis-sajf biex jiġi evitat kull periklu li jista’ jinħoloq jekk il-baħar tal-viċin ikun qawwi. Il-Ministru kompla billi qal li għalkemm dan ix-xogħol qed isir fis-sajf it-Taqsima tax-Xogħolijiet ħadet il-prekawzjonijiet kollha sabiex iz-zona pedonali tkun salvagwardjata.
Wara li jsir ix-xogħol fuq dan il-ħajt u s-sottobank, jiġu mgħoddija s-servizzi kollha inkluż sistema ta’ culverts taħt il-pavimentar eżistenti. Sussegwentament la darba x-xogħol kollu jkun lest jibda l-pavimentar li se jkollu l-istess pattern tal-Front, sabiex b’hekk, la darba jkun komplut il-promenade kollu jkun konformi ma’ dak li diġa’ lest. Il-Ministru Ninu Zammit qal li dan ix-xogħol kollu qed isir mill-Ħaddiema tal-Gvern u miegħu ser jiġu mmanufatturati madwar 46 bank ġdid, kontenituri ta’ l-iskart flimkien ma’ nstallazjoni ta’ madwar 24 arblu ta’ dawl dekorattiv. L-area kollha tal-pavimentar tkopri madwar 4,200 metru kwadru li ma jinkludux 291 metru tul ta’ kurduna li ser titpoġġa n-naħa tat-triq. Il-valur tax-xogħol hu stmat li jkun madwar Lm200,000 (inkluz il-pagi tal-ħaddiema) u ppjanat li jkun lest għall-Marzu 2007.
Il-Ministru Ninu Zammit tenna li xogħlijiet oħra f’zoni simili qed isiru fil-Belveder ta’ Wied Babu fejn hawnhekk qed jinbena belveder ġdid li jikkumplimenta mal-wied naturali u l-ambjent rurali taz-zona. Fix-Xemxija wkoll sar xogħol estensiv ta’ promenade twil u fix-xhur li ġejjin ser jibda x-xogħol fuq il-bini ta’ promenade f’Xatt is-Sajjieda, Marsaxlokk. Il-Ministru Ninu Zammit tenna jgħid li ir-riformi, l-użu aħjar tar-riżorsi finanzjarji u l-investiment f’makkinarju u għodda aħjar għall-ħaddiema li saru fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura illum qed iħallu l-frott u l-pubbliku jista’ jara b’għajnejh u jmiss b’idejh ix-xogħlijiet imwettqa mill-ħaddiema ta’ dan il-Ministeru.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958