Left arrow Go Back

DĦUL FIS-SEĦĦ TA’ EMENDI GĦALL-KODIĊI KRIMINALI

PR1183
Date Icon 25/08/2006

L-ewwel grupp ta’ emendi għall-Kodiċi Kriminali daħlu fis-seħħ fl-21 ta’ Awissu 2006.  Dawn jinkludu t-tneħħija tal-priġunerija bil-fors għax-“sharing” ta’ droga f’ammonti żgħar, minn persuni li m’humiex traffikanti iżda vittmi ta’ droga. 

Fl-istess waqt daħal fis-seħħ l-aggravju fil-piena għal min jikkommetti reati kontra l-persuna jew il-proprjeta’ bi skop ta’ mibegħda razzjali jew fuq bażi reliġjuża. 

Dana japplika, kemm jekk il-vittma tkun membru ta’ razza jew reliġjon partikolari, jew meta l-iskop jew l-intenzjoni wara r-reat ikun bażat fuq ostilità lejn dik ir-razza jew reliġjon. 

Tneħħiet ukoll il-priġunerija bħala piena f’każ ta’ libell sempliċi taħt il-Liġi ta’ l-Istampa. 

It-tieni grupp ta’ emendi għall-Kodiċi Kriminali se jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2006. 

1)   Emenda importanti hi li l-preskrizzjoni għar-reat ta’ nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment lid-dipendenti (konjugi u tfal) qed tiżdied minn 3 għal 6 xhur. 

2)    Dawn l-emendi ġodda, ukoll, se jħaffu il-proċess ta’ kumpilazzjoni fil-kawżi kriminali. Fil-fatt, minkejja li l-prattika tar-Rinviji tal-proċess lill-Avukat Ġenerali se tibqa’, il-kawża quddiem il-Maġistrat ma tibqax, matul ir-rinviji, bla data – kif inhi l-pożizzjoni llum – iżda l-kawża tiġi differita għal data preċiża. B’dan il-mod ser jiġu ffrankati numru sew ta’ differimenti inutili għax minn issa ‘l quddiem kull parti, i.e. l-prosekuzzjoni, id-difiża u l-imputat, jkunu jafu bid-data u għalhekk jonqsu r-raġunijiet għala dawn jiġu differiti mingħajr ma jsir xejn fihom. 

3)    F’każ li tibda inkjesta maġisterjali, mhux fuq talba ta’ l-Avukat Ġenerali jew Pulizijia, f’dak il-każ:

a)Il-Magistrat jintgħażel bil-polza;
b)L-indagat jiġi infurmat li se ssir inkjesta dwar l-aġir tiegħu;
c)L-indagat jista’ jappella quddiem il-Qorti Kriminali biex dik l-inkjesta ma ssirx.

4)   Bħala parti mill-proċess għall-bidla iktar fil-fond fil-proċess Kriminali tal-ġuri qed jiġu fis-seħħ tliet passi. L-ewwel, mill-lum ‘l quddiem il-prosekuzzjoni u d-difiża ser jkollhom l-opportunita’ li qabel jiġi appuntat ġurat jiġi mistoqsi domandi li minnhom wieħed jkun jista’ jinduna jekk huwiex diġa preġudikat fil-każ jew le. It-tieni, li l-għażla tal-lista tal-persuni li jservu ta’ ġurati ser tibda issir darbtejn fis-sena u mhux darba; mhux biss iżda fil-bord tal-għażla ġew issa maħtura l-Avukat Ġenerali jew rappreżentant tiegħu, kif ukoll l-Presidenti tal-Kamra ta’ l-Avukati u tal-Prokuraturi Legali. It-tielet, li permezz ta’ avviż legali li jrid jiġi ppublikat iktar ‘il quddiem il-ġurati għal kull każ mhux ser jibqgħu jiġu magħżula bis-sistema tal-lum jiġifieri grupp għal kull xahar iżda għall-kull każ skond sistema komputeriżżata.

5)   Ser titneħħa kompletament il-proċedura li biha persuna misjuba ħatja, jekk ma titlobx minnufih is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza tagħha, titlef id-dritt tagħha li tappella. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow