IL-PRIM MINISTRU LAWRENCE GONZI JILTAQA’ UFFIĊJALMENT MAL-PRIM MINISTRU TAL-KROAZJA IVO SANADER
Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi llum iltaqa’ uffiċjalment mal-Prim Ministru tal-Kroazja Ivo Sanader.
Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Kroazja bdew fl-1992, hekk kif dan il-pajjiz ħa l-indipendenza tiegħu. Fl-Lulju 2004, il-Prim Ministru Ivo Sanader għamel żjara uffiċjali lill-Prim Ministru Lawrence Gonzi f’Malta. Malta kienet appoġġjat bil-kbir it-talba tal-Kroazja li tibda n-negozjati għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea; f’Ottubru li għadda l-Unjoni Ewropea ddeċidiet li l-Kroazja tibda dawn in-negozjati.
Il-Prim Ministru Gonzi u l-Prim Ministru Sanader iddiskutew kif ir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Kroazja jistgħu ikomplu jikbru u jissaħħu fuq il-livelli politiċi u kummerċjali, kemm fil-kuntest tal-Unjoni Ewropea kif ukoll f’dak Mediterranju. L-oqsma tal-edukazzjoni u kultura, turiżmu, settur marittimu u akwakultura kienu fost is-setturi identifikati għall-aktar kollaborazzjoni, inkluż opportunitajiet għall-investituri Maltin.
Kien hemm qbil li l-esperjenza li għandha Malta fin-negozjati tas-sħubija tista’ tkun ta’ għajnuna lill-Kroazja waqt in-negozjati tagħha. Din l-għajnuna mhijiex biss fuq livell ta’ Gvern; fil-fatt saret referenza għall-ftehim ta’ ko-operazzjoni li sar bejn il-GRTU u l-Croation Chamber of Trades and Crafts għal dan il-għan.
L-immigrazzjoni irregolari fil-Mediterran u l-mezzi biex tiġi ndirizzata din l-isfida kienu diskussi. L-iżviluppi fil-Balkani tal-Punent, fosthom l-isforzi għal soluzzjoni fit-tul għall-Kosovo kif ukoll it-tensjonijiet fil-Bosnija, u l-qagħda fil-Lvant Nofsani kienu diskussi mill-Prim Ministri.
Aktar tard, il-Prim Ministru Gonzi ltaqa’ wkoll mal-President tar-Repubblika tal-Kroazja, Stjepan Mesic.
F’laqgħa separata li saret l-bieraħ, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Michael Frendo u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Kroazja Kolinda Grabar-Kitarovic qablu li s-sena dieħla jibda l-iskambju ta’ Diplomatiċi bejn iż-żewġ pajjiżi fil-Ministeri tagħhom. Il-Ministru Frendo stieden lill-Gvern tal-Kroazja biex jikkonsidra jissieħeb fl-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi (Mediterranean Academy for Diplomatic Studies). Iz-zewg Ministri ddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani u kif Malta u l-Croatia jistgħu jikkollaboraw aktar fil-qrib fil-proċess Euro-Mediterranju.
Minbarra l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Michael Frendo, il-Prim Ministru kien akkumpanjat mill-Kap tas-Segretarjat tal-Prim Ministru, Edgar Galea Curmi, l-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Kroazja, Ray Mercieca, u Phillippa Gingell Littlejohn mill-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin.
Other Press Releases:
PR261958EN
PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...
PR261958