Left arrow Go Back

DISKORS MILL-ONOR. TONIO BORG, VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, WAQT IL-FTUĦ UFFIĊJALI TAT-TAQSIMA MARITTIMA U T-TAQSIMA TAL-ASSISTENZA UMANITARJA FI ĦDAN ID-DIPARTIMENT TAL-PROTEZZJONI ĊIVILI – PAOLA – 22 AWISSU 2006

PR1172
Date Icon 22/08/2006

Sur Segretarju Permanenti,

Sur Direttur,
Sinjuri, 

Ippermettuli nesprimi s-sodisfazzjon tiegħi li ġejt mistieden sabiex ninawgura dan il-bini tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li se jservi bħala ċentru ta’ operazzjonijiet marittimi kif ukoll dawk li għandhom x’jaqsmu ma’ assistenza umanitarja. 

Sodisfatt għaliex qed nara suċċess ieħor minn sensiela li dan id-Dipartiment kiseb minn meta twaqqaf permezz ta’ liġi li ġiet approvata mill-Parlament f’Ottubru ta’ l-1999.  Dan id-Dipartiment, li ħa f’idejh ix-xogħol li qabel kien jitwettaq b’dedikazzjoni kbira mill-forzi ta’ l-ordni l-oħra f’pajjiżna, għamel avvanzi kbar, anke grazzi għall-għajnuna imprezzabbli li rċieva fost l-oħrajn mill-Italja u mill-Istati Uniti, li fornew lil dan id-Dipartiment b’tagħmir modern l-aktar f’dak li għandu x’jaqsam ma’ tifi tan-nar fuq l-art u fuq il-baħar, kif ukoll f’dak li hu salvataġġ.   

Id-Dipartiment għandu għad-dispożizzjoniji tiegħu il-lanċa Garibaldi - li ngħatat mill-Gvern Taljan permezz tar-Raba’ Protokol finanzjarju, kif ukoll żewġ dinghies li permezz tagħhom qed isiru r-rondi fil-baħar f’dawn ix-xhur tas-Sajf.  It-tagħmir li ngħata mill-Gvern Taljan kien essenzjali għad-Dipartiment biex jilqa’ għal sejħiet li jinvolvu tifi tan-nar, salvataġg u assistenza oħra.  Kull sena jidħlu madwar sitt elef sejħa għall-għajnuna għand dan id-Dipartiment. 

L-għajnuna ta’ l-Istati Uniti waslet fil-forma ta’ taħriġ u apparat li d-Dipartiment jiġi bżonn f’inċidenti li jinvolvu materjal perikoluż bħal kimika, li reċentement l-użu tagħha qed isir dejjem aktar komuni. 

Inħossni fid-dmir ukoll li nirrikonoxxi u nirringrazzja lill-voluntiera li jaħdmu f’dan id-Dipartiment li jagħtu kontribut importanti ħafna.  It-Taqsima tal-Voluntiera twaqqfet tliet snin ilu u tinkludi uffiċjali tat-tifi tan-nar, disaster response team, u dog handlers.  Dan it-tim, illum se jissaħħaħ permezz ta’ għaxar voluntiera ġodda li jinkludu avukat u ekonomista, li qed joffru s-servizzi tagħhom mingħajr ħlas.  Mingħajr dawn in-nies, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma kienx jasal fejn irnexxielu jasal illum. 

Malta minn dejjem tkun minn ta’ quddiem nett biex toffri l-għajnuna f’pajjiżi oħra li jintlaqtu minn disastri bħal ma ġara bit-Tsunami fis-Sri Lanka u l-urugan Katrina fl-Istati Uniti. Għalhekk it-Taqsima speċjalizzata għall-għajnuna umanitarja kienet essenzjali biex jinżamm dan l-impenn. 

Kien biss ftit tal-jiem ilu li kellna xhieda oħra ċara tax-xogħol vitali li jwettaq dan id-Dipartiment fil-qasam ta’ l-għajnuna umanitarja.  Il-konflitt fil-Libanu, li dam għaddej tlieta u tletin ġurnata, ħalla warajh ħerba umanitarja notevoli.   

F’okkażjonijiet traġiċi bħal dawn, joħroġ aktar is-sens ta’ ġenerożità u solidarjetà tal-pubbliku malti li wieġeb mill-ewwel u bi ħġaru għas-sejħa li saritlu biex joffri oġġetti li jinkludu tagħmir mediku u kull xorta ta’ ikel u xorb biex jintbagħat lin-nies li nqabdu f’nofs dal-kunflitt imdemmi.  Kien proprju nhar il-Ġimgħa li dan id-Dipartiment, li ħa ħsieb il-kordinazzjoni tal-ġbir u t-tqassim ta’ din l-għajnuna, ħabbar li l-għajnuna tal-Maltin waslet fil-Libanu u bdiet titqassam lil min kien fil-bżonn. 

Bħala gżira mdawra mill-baħar, Malta wkoll għandha bżonn Taqsima Marittima effettiva li tista’ twieġeb bil-ħeffa għal kull sejħa għall-għajnuna minn fuq il-baħar.  Meta wieħed iqis il-pożizzjoni ġeografika ta’ Malta kif ukoll iż-żieda ta’ attività marittima mill-Maltin u t-turisti speċjalment matul ix-xhur tas-Sajf, wieħed jista’ japprezza aktar kemm hu importanti li pajjiżna jkun mgħammar sew biex jaffronta inċidenti li din it-tip ta’ attività tista’ tiġġenera.   

It-tixrid taż-żejt fuq l-art joħloq ukoll periklu kbir li jrid jitneħħa bil-ħeffa.  Sa Lulju ta’ din is-sena, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kellu kważi sitt mitt sejħa għall-għajnuna li għandha x’taqsam ma’ tixrid taż-żejt fuq l-art.  Dawn it-tip ta’ inċidenti jikkostitwixxu l-akbar biċċa mix-xogħol imwettqa minn dan id-Dipartiment. 

Dan id-Dipartiment huwa mpenjat kontinwament f’operazzjonijiet li ħafna drabi jinvolvu l-ħajja ta’ nies li jinqabdu f’inċidenti varji kemm f’dawn il-gżejjer kif ukoll fl-ibħra ta’ madwarna.   

Għalhekk wieħed ma jistax ma jikkundannax is-sejħiet ta’ emerġenza foloz li jidħlu għand dan id-Dipartiment.  Fl-ewwel seba’ xhur ta’ din is-sena, daħlu mitejn u sebgħa u tletin sejħa (237) ta’ dan it-tip – aktar min-numru ta’ sejħiet foloz kollha li daħlu s-sena li għaddiet.  Atti irresponsabbli ta’ min hu nvolut f’sejħiet bħal dawn, għandhom jiġu kkundannati mingħajr riserva.  Ħajjiet ta’ nies li jkunu nvoluti f’inċidenti veri, jistgħu jintilfu sakemm il-ħaddiema ta’ dan id-Dipartiment ikunu mpenjati fuq sejħa li wara jirriżulta li setgħet kienet xi ċajta ta’ individwu jew individwi bla skrupli. 

Nixtieq nagħlaq dan id-diskors billi mill-ġdid nifraħ lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili tal-ħidma tagħhom biex jiftħu ċentru ta’ dan it-tip u nawguralhom kull suċċess fil-ħidma tagħhom.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

More Press Releases Right arrow